- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Il-BĊE jiftaħ konsultazzjoni pubblika fuq l-abbozz tar-Regolament Qafas tal-BĊE dwar il-MSU
-
L-abbozz tar-Regolament Qafas ifisser kif il-BĊE se jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti
-
Il-verżjoni finali għandha tiġi ppubblikata sal-4 ta’ Mejju 2014
-
Il-BĊE se jieħu f’idejh għalkollox il-kompiti superviżorji tiegħu fl-4 ta’ Novembru 2014
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ippubblika abbozz tar-Regolament Qafas tal-BĊE dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) għal konsultazzjoni pubblika. L-abbozz tar-Regolament Qafas iqiegħed il-bażi għax-xogħol tal-MSU meta dan isir is-superviżur tal-banek taż-żona tal-euro f’Novembru 2014. Il-konsultazzjoni pubblika tiftaħ illum għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat sas-7 ta’ Marzu 2014.
L-abbozz tar-Regolament Qafas jiddeskrivi r-regoli u l-proċeduri li jirregolaw l-aspetti li ġejjin:
-
l-evalwazzjoni tal-importanza ta’ bank biex jiġi deċiż jekk jidħolx fis-superviżjoni diretta jew indiretta tal-BĊE;
-
is-sorveljanza tal-BĊE tas-sistema kollha kemm hi;
-
il-kooperazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jiġi żgurat li l-MSU jiffunzjona bla xkiel;
-
is-sistema lingwistika għall-proċessi diversi fi ħdan il-MSU;
-
il-prinċipji ġenerali li bihom il-BĊE se jmexxi l-proċeduri superviżorji;
-
il-proċeduri li għandhom x’jaqsmu mal-kompiti mikroprudenzjali u makroprudenzjali tal-MSU;
-
l-arranġamenti għall-kooperazzjoni mill-qrib ma’ pajjiżi li l-munita tagħhom mhijiex l-euro;
-
il-penalitajiet amministrattivi li japplikaw għall-ksur tal-liġi rilevanti.
Dokument ta’ konsultazzjoni, magħmul mill-abbozz tar-Regolament Qafas u rapport spjegattiv flimkien ma’ dokument b’Mistoqsijiet u Tweġibiet, ixxandar fil-websajt tal-BĊE.
Il-BĊE se jagħmel laqgħa pubblika dwar id-dokument ta’ konsultazzjoni fid-19 ta’ Frar 2014 fil-bini tiegħu fi Frankfurt am Main. Il-laqgħa pubblika se tixxandar dirett permezz tal-internet u fil-websajt tal-BĊE se jkun hemm webcast tal-avveniment. Tagħrif dwar kif tirreġstra għal-laqgħa u kif tibgħat il-kummenti tiegħek fuq id-dokument ta’ konsultazzjoni jinsab fit-taqsima “Superviżjoni Bankarja” fil-websajt tal-BĊE.
Wara l-konsultazzjoni pubblika, il-BĊE se jxandar il-kummenti mibgħuta mill-partijiet interessati flimkien ma’ evalwazzjoni u sommarju tat-tweġibiet. Il-Bord Superviżorju mbagħad se jħejji r-Regolament Qafas tal-BĊE dwar il-MSU biex jintbagħat lill-Kunsill Governattiv għall-adozzjoni. Kif jitlob ir-Regolament li jistabbilixxi l-MSU, il-verżjoni finali tar-Regolament Qafas tal-BĊE dwar il-MSU trid tiġi ppubblikata sal-4 ta’ Mejju 2014.
Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jikkuntattja lil Rolf Benders, tel. +49 69 1344 6925.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja