Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Il-prijoritajiet superviżorji jistabbilixxu l-oqsma għall-attenzjoni superviżorja fl-2020. Huma jibnu fuq valutazzjoni tal-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw il-banek ikkontrollati fl-ambjent ekonomiku, regolatorju u superviżorju attwali.

Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE identifikat sorsi ta’ riskju għas-settur bankarju bil-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jistrieħu fuq tagħrif mit-Timijiet Superviżorji Konġunti (JST), l-analiżijiet makroprudenzjali u mikroprudenzjali tal-BĊE kif ukoll ir-rapporti ta’ korpi internazzjonali. Il-fatturi ewlenin tar-riskji tas-settur bankarju identifikati huma: (i) sostenibbiltà ekonomika tad-dejn, u sfidi politiċi fiż-żona tal-euro, (ii) sostenibilità tal-mudell ta' negozju, u (iii) nuqqasijiet fiċ-ċiberkriminalità u l-IT. Fatturi ta’ riskju sinifikanti ulterjuri huma: ir-riskju ta' eżekuzzjoni marbut mal-istrateġiji tal-banek għal self improduttiv (NPLs); illaxkar tal-istandards ta’ self; ipprezzar mill-ġdid fis-swieq finanzjarji; kondotta ħażina/ħasil ta’ flus/finanzjament tat-terroriżmu; Brexit; prospetti globali u inċertezzi ġeopolitiċi; reazzjoni għar-regolamentazzjoni; u r-riskji relatati mal-bidla fil-klima.[1]

Biex jiġi żgurat li l-banek jindirizzaw dawn l-isfidi ewlenin b'mod effettiv, is-superviżjoni bankarja tal-BĊE rrevediet il-prijoritajiet superviżorji tagħha. Billi t-tisħiħ tal-karti tal-bilanċ kien kruċjali fis-snin wara l-bidu tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (SSM), il-punt fokali superviżorju nbidel gradwalment biex jinkludi r-reżiljenza futura tal-banek u s-sostenibbiltà tal-mudelli tan-negozju tagħhom. Għalhekk il-prijoritajiet ta’ sorveljanza ġew allinjati mill-ġdid mal-oqsma ta’ prijorità ta’ livell għoli fi

  • l-kontinwazzjoni tat-tiswija tal-karti tal-bilanċ,
  • it-tisħiħ tar-reżiljenza futura,
  • prijoritajiet oħra.

L-attivitajiet ta’ sorveljanza prijoritizzati nġabru taħt dawn l-oqsma.

1 Kontinwazzjoni tat-tiswija tal-karti tal-bilanċ

Aġġornament għall-gwida NPL

Minkejja l-progress li sar fit-tnaqqis tal-istokk tal-NPLs fiż-żona tal-euro, il-livell aggregat kurrenti tal-NPLs jibqa' għoli meta mqabbel mal-istandards internazzjonali. Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE għalhekk se tkompli bl-isforz tagħha biex tindirizza l-istokk ta’ NPLs u tevita l-akkumulazzjoni ta’ NPLs ġodda fil-futur. Se tkompli tkun involuta mal-istituzzjonijiet affettwati biex ikun hemm aġġornament tal-aspettattivi superviżorji speċifiċi għall-bank fi ħdan qafas armonizzat. L-għan huwa li jiġi żgurat progress kontinwu biex jitnaqqsu r-riskji mirutin u tinkiseb kopertura konsistenti tal-istokk u l-fluss ta' NPLs fuq medda medja ta' żmien.

Aġġornament fuq mudelli interni bbażati fuq klassifikazzjonijiet

Se tkompli l-ħidma biex tiġi żgurata l-adegwatezza ta’ mudelli interni użati mill-banek fil-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali regolatorji tagħhom. Wara l-investigazzjonijiet fuq il-post li saru matul ir-rieżami speċifiku ta' mudelli interni (TRIM), l-enfasi tkun fuq miżuri korrettivi tan-nuqqasijiet misjuba. Barra minn hekk, għall-mudelli ta’ riskju ta' kreditu, attivitajiet superviżorji sinifikanti se jkunu meħtieġa mill-istituzzjonijiet sabiex jindirizzaw ir-rekwiżiti tal-programm ta’ tiswija tal-IRB tal-Awtorità Bankarja Ewropea.[2].

Riskji kummerċjali u valutazzjonijiet tal-assi

Ser ikomplu missjonijiet fuq il-post b'enfażi msaħħa fuq il-kummerċ u l-aspetti tar-riskju tas-suq. B'mod partikolari, l-ispezzjonijiet se jsiru fuq banek li huma esposti għal strumenti kumplessi mmarkati bil-valur ġust. Verifiki eżawrjenti u analiżijiet ffokati jistgħu jitwettqu sabiex jitfassal l-ambitu tal-missjonijiet fuq il-post għaż-żoni ta’ riskju rilevanti.

2 Tisħiħ tar-reżiljenza futura

Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tagħmel numru ta’ attivitajiet superviżorji mmirati biex isaħħu r-reżiljenza tal-banek, li l-iktar prominenti fosthom huma enfasizzati hawn taħt.

Kriterji ta’ sottoskrizzjoni ta' kreditu u kwalità ta’ skopertura (eż. propjetà immobbli, finanzi ingranati)

Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tkompli tevalwa l-kwalità tal-kriterji ta’ sottoskrizzjoni tal-banek. Fuq il-bażi tal-ġabra komprensiva ta’ dejta li għandha l-għan li tidentifika rqajja’ ta' riskji, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se twettaq analiżi ta’ aġġornament bil-għan li tikseb għarfien aktar fil-fond tal-prattiki u l-proċessi ta' oriġini ta’ self mill-banek. Skont il-konstatazzjonijiet, azzjonijiet speċifiċi għall-bank jistgħu jiġu kkunsidrati. Barra minn hekk, il-kwalità ta' skoperturi speċifiċi tal-klassi tal-assi se tiġi eżaminata permezz ta' spezzjonijiet dedikati fuq f’oqsma bħal proprjetà immobbli kummerċjali, proprjetà immobbli residenzjali u finanzjament ta' ingranaġġ.

Ġestjoni tal-kapital u likwidità, ICAAP u ILAAP u aktar integrazzjoni fis-SREP

Il-proċessi interni ta' valutazzjoni tal-kapital u l-adegwatezza tal-likwidità (ICAAPs u ILAAPs) huma strumenti ewlenin ta' ġestjoni tar-riskju għall-istituzzjonijiet ta' kreditu. Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tkompli taħdem biex ittejjeb l-ICAAPs u l-ILAAPs tal-banek billi tippromwovi għalihom fehim komuni tal-aspettattivi tal-BĊE. Barra minn hekk, l-ICAAPs tal-banek se jkunu l-punt fokali ta’ spezzjonijiet iddedikati fuq il-post. Ser jitkompla wkoll ix-xogħol fuq it-titjib tat-trasparenza madwar il-fattur ta’ riskju tar-rekwiżiti kapitali tal-Pilastru II.

Sostenibbiltà tal-mudell tan-negozju

Il-profittabilità tal-banek taż-żona tal-euro tibqa’ taħt pressjoni mill-ambjent ekonomiku, rati ta' imgħax baxxi, kwistjonijiet mirutin u kompetizzjoni minn banek u mhux banek. Barra minn hekk, id-diġitalizzazzjoni toħloq sfidi sinifikanti għall-banek, filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi opportunitajiet għal kisbiet fl-effiċjenza u negozju ġdid. Għalhekk, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE tkompli tivvaluta l-mudelli ta’ negozju u l-profittabilità tal-banek, ukoll fid-dawl ta' diġitalizzazzjoni dejjem ikbar, ikkumplimentata minn analiżi orizzontali

IT u riskju ċibernetiku

Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tkompli tivvaluta r-riskji tal-IT u ċibernetiċi li jiffaċċjaw il-banek billi twettaq spezzjonijiet fuq il-post u tissorvelja dawn ir-riskji bħala parti mill-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni (SREP). Barra minn hekk, banek sinifikanti se jkomplu jirrappurtaw kwalunkwe inċident ċibernetiku sinifikanti lill-BĊE taħt il-proċess ta' rappurtar ta' inċidenti ċibernetiċi MSU.

Eżerċizzji ta’ test tal-istress madwar l-UE (bijennali) u/jew il-BĊE

It-testijiet tal-istress superviżorji li jmiss għall-banek sinifikanti se jsiru fl-2020. Se jkun hemm żewġ eżerċizzji komplementari: kampjun ta’ banek sinifikanti kbar se jipparteċipaw fit-test tal-istress fll-UE kollha kkoordinat mill-Awtorità Bankarja Ewropea. B’mod parallel, il-BĊE ser iwettaq test tal-istress addizzjonali għall-bqija tal-banek sinifikanti li ma jipparteċipawx fit-test tal-istress madwar l-UE. L-eżitu taż-żewġ eżerċizzji se jidħlu fis-SREP. It-test tal-istress iservi wkoll biex jinkoraġġixxi lill-banek biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom stess tal-ittestjar tal-istress u tal-ġestjoni tar-riskju

Governanza

Eżitu sinifikanti tax-xogħol ta’ sorveljanza fl-2019 huwa li għadu meħtieġ aktar titjib fil-qafas ta' governanza tal-banek. Il-governanza għalhekk se tibqa’ fil-qofol superviżorju fl-2020. Meta wieħed iqis in-natura trasversali tagħha, is-superviżuri għandhom jiffukaw fuq l-aderenza tal-banek mal-aspettattivi ta’ governanza fil-kuntest ta' kull waħda mill-attivitajiet ta’ hawn fuq immirati biex isaħħu r-reżiljenza futura. Filwaqt li jiddependi fuq l-attività superviżorja rispettiva, is-superviżuri għandhom jivvalutaw aspetti ta’ governanza minn bosta perspettivi, inkluż il-funzjonament tal-bord u l-qafas organizzattiv, funzjonijiet ta' kontroll intern, u aggregazzjoni ta’ dejta u kwalità, u b'hekk jikkumplimentaw il-valutazzjoni kontinwa ta' governanza tal-JSTs bħala parti mill-SREP.

3 Prijoritajiet oħrajn

Aġġornament fuq ix-xogħol Brexit

Il-Brexit jibqa’ prijorità qawwija għas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE. Il-BĊE jistenna li l-banek iħejju għall-eżiti kollha possibbli u jiffinalizzaw l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta' kontinġenza għal Brexit mingħajr ftehim. Flimkien mas-superviżuri nazzjonali, il-BĊE se jkompli jissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjanijiet Brexit tal-banek u l-osservanza tagħhom tal-aspettattivi superviżorji. Dan jinkludi l-progress tal-banek lejn il-mudelli operattivi mmirati tagħhom fiż-żona tal-euro fit-termini ta’ żmien miftiehem.

Id-deskrizzjoni fil-qosor ta' hawn fuq dwar ir-riskji, kif ukoll il-prijoritajiet superviżorji, m'għandhomx jitqiesu bħala lista eżawrjenti. Attivitajiet għajr dawk espliċitament enfasizzati hawn, bħal dawk relatati mal-implimentazzjoni tal-IFRS 9, qegħdin isiru fuq bażi kontinwa. Barra minn hekk, attivitajiet ta' sorveljanza differenti, imfassla għall-profili tar-riskju speċifiċi tal-istituzzjonijiet ta' kreditu, jistgħu jkunu meħtieġa fil-livell bankarju. Minkejja dan, il-prijoritajiet superviżorji huma għodda essenzjali għall-koordinazzjoni ta' azzjonijiet superviżorji fi ħdan il-banek b'mod xieraq armonizzat, proporzjonat u effettiv, biex b'hekk ikun hemm kundizzjonijiet ekwi u jitjieb l-impatt superviżorju.

© Bank Ċentrali Ewropew, 2019

Indirizz postali 60640 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
Telefon +49 69 1344 0

Sit elettroniku www.bankingsupervision.europa.eu

Id-drittijiet kollha miżmumin. Ir-riproduzzjoni għal għanijiet edukattivi u mhux kummerċjali hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Għat-terminoloġija speċifka, jekk jogħġbok irreferi għall-glossarju MSU (disponibbli bl-Ingliż biss).

HTML ISBN 978-92-899-3951-5, ISSN 2599-8617, doi: 10.2866/81081 QB-BZ-19-001-MT-Q

  1. https://www.bankingsupervision.europa.eu/ecb/pub/ra/html/ssm.ra2020~a9164196cc.mt.html
  2. Il-programm ta’ tiswija tal-IRB jirreferi għal reviżjoni regolatorja tal-approċċ ibbażat fuq il-klassifikazzjonijiet interni (IRB) li jirriżulta f'numru ta' standards tekniċi regolatorji u linji gwida dwar il-metodoloġija tal-valutazzjoni IRB, definizzjoni ta’ inadempjenza, stima tal-parametru tar-riskju u trattament ta' assi inadempjenti, u mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu.
Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)