Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X’inhu s-SREP?

16 ta’ Ġunju 2016 (aġġornat 13 ta' Novembru 2017)

Is-superviżuri jevalwaw u jkejlu regolarment ir-riskji għal kull bank. Din l-attività ewlenija tissejjaħ il-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni, jew SREP fil-qosor. Il-proċess jiġbor ir-riżultati kollha li jasal għalihom is-superviżur għal sena partikolari u permezz tiegħu l-bank ikollu xi “homework” x’jagħmel.

Fi kliem ieħor, is-SREP juri l-qagħda ta’ bank fejn jidħlu r-rekwiżiti tal-kapital u l-mod kif jittratta r-riskji. Id-deċiżjoni SREP li s-superviżur jibgħat lill-bank fi tmiem il-proċess tistabbilixxi għanijiet ewlenin li jgħinu lill-bank jieħu ħsieb il-problemi li jkunu ġew identifikati. Il-bank imbagħad irid “isewwi” dawn il-problemi fi żmien speċifiku.

Lejn xiex iħarsu s-superviżuri?

Biex il-banek kollha jiġu ttrattati bl-istess mod, huwa importanti ferm li jiġi applikat l-istess kejl għal kulħadd. Is-SREP jagħti lis-superviżuri sett armonizzat ta’ għodod biex jeżaminaw il-profil tar-riskju ta’ bank minn erba’ angoli differenti.

Kif is-superviżuri jaraw jekk bank jinsabx fi stat tajjeb

Mudell ta' negozju

Il-bank għandu strateġija ta' negozju sostenibbli?

Governanza u riskju

Il-korpi maniġerjali huma idoneji u r-riskji huma indirizzati kif suppost?

Kapital

Il-bank għandu riżervi suffiċjenti biex jassorbi telf?

Likwidità

Il-bank kapaċi jkopri l-bżonnijiet ta' flus kontanti fuq medda ta' żmien qasir?

  1. Mudell tan-negozju: is-superviżuri jevalwaw il-mudell ta’ kull bank u kemm ikun sostenibbli, fi kliem ieħor, jekk ikollux firxa wiesgħa ta’ attivitajiet jew jekk jiffukax biss fuq ftit linji ta’ negozju. Hekk, bank li jiffoka biss fuq it-trasport tal-merkanzija jsir vulnerabbli ferm meta jonqos il-kummerċ globali jew meta jislef b’mod ġeneruż iżżejjed lill-kumpaniji tal-bastimenti u jeħtieġlu jieħu ħsieb dan ir-riskju.
  2. Governanza u ġestjoni tar-riskju: is-superviżuri jiflu l-istruttura organizzattiva ta’ bank billi jissorveljaw il-korpi maniġerjali tiegħu u jivverifikaw jekk ir-riskji jkunux qegħdin jiġu ttrattati kif jixraq.
  3. Riskju għall-kapital: is-superviżuri janalizzaw jekk bank ikollux biżżejjed sigurtà biex jassorbi telf, ngħidu aħna, meta s-sistema tal-IT tal-bank tintlaqat minn attakki bl-internet, jew meta l-prezz taż-żejt jonqos drastikament, jew meta min jissellef ma jroddx is-self fil-ħin.
  4. Riskju għal-likwidità u l-finanzjament: is-superviżuri jivverifikaw x’kapaċità jkollu bank biex ikopri ħtiġijiet ad hoc ta’ flus, ngħidu aħna, fi żminijiet ta’ inċertezza ekonomika meta d-depożitanti għandhom mnejn jiġbdu ħafna iżjed flus mis-soltu.

Kif jintuża s-SREP?

It-Timijiet Superviżorji Konġunti (JSTs) jaħdmu fuq is-SREP kontinwament u jħejju deċiżjoni SREP waħda għal kull bank fis-sena. Il-bank jirċievi ittra li tistabbilixxi l-miżuri speċifiċi li jkun jeħtieġlu jimplimenta fis-sena ta’ wara.

Id-deċiżjoni SREP titfassal skont il-profil individwali ta’ kull bank. B’mod ġenerali, kull bank għandu jikkonforma mar-rekwiżiti legali li jistabbilixxu l-ammont minimu ta’ kapital li jrid iżomm. Dawn huma r-rekwiżiti tal-“Pilastru 1”.

Imbagħad is-SREP jidħol fil-kalkolu. Skont il-bank individwali, fid-deċiżjoni SREP is-superviżur jista’ jitlob lill-bank iżomm kapital addizzjonali u/jew jistabbilixxi rekwiżiti kwalitattivi (normalment magħrufin bħala tal-“Pilastru 2”). Dan isir biex titjieb l-istruttura ta’ governanza tal-bank jew il-ġestjoni tiegħu.

Id-deċiżjonijiet SREP individwali jservu wkoll ta’ sostenn għal attivitajiet superviżorji oħra u jgħinu fis-sorveljanza bir-reqqa u kontinwa tal-banek. Jidħlu fl-ippjanar strateġiku u operattiv taċ-ċiklu superviżorju li jkun imiss u jkollhom impatt dirett fuq il-frekwenza u l-profondità tal-attivitajiet superviżorji li jsiru fuq il-post jew mill-bogħod għal bank partikolari.

Xi jfisser dan għall-banek?

Kull bank huwa differenti: hemm banek li jiffukaw fuq is-servizzi kummerċjali tradizzjonali filwaqt li oħrajn jieħdu ħsieb l-assi finanzjarji ta’ kumpaniji oħra. Uħud ikunu esposti għal settur speċifiku filwaqt li oħrajn jifirxu l-attivitajiet tagħhom f’bosta oqsma differenti.

Filwaqt li s-superviżjoni timxi ma’ metodoloġija komuni biex tkun ġusta u konsistenti, dawn id-differenzi jiġu riflessi fl-applikazzjoni, l-intensità u l-frekwenza tal-proċess ta’ rieżami għal kull bank. Superviżuri mill-BĊE u s-superviżuri nazzjonali, imlaqqgħin flimkien fit-Timijiet Superviżorji Konġunti, iqisu l-impatt potenzjali ta’ bank fuq is-sistema finanzjarja, il-livell tar-riskju li jkollu u l-istatus tiegħu, i.e. jekk ikunx entità prinċipali (parent), sussidjarja jew istituzzjoni individwali.

Normalment, is-superviżur jitlob bank iżomm iżjed kapital bħala sigurtà addizzjonali jew ibigħ ċerti portafolli ta’ self biex inaqqas ir-riskju tal-kreditu. Fl-iżjed każijiet estremi, is-superviżur jista’ jitlob bank jibdel il-maniġment tiegħu jew jadatta l-istrateġija tan-negozju biex tħalli iżjed qligħ.

Is-SREP huwa xi ħaġa ġdida?

Is-SREP fih innifsu mhuwiex ġdid, għax qabel kien isir mis-superviżuri nazzjonali. In-novità tas-SREP fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku hija li issa qiegħda tiġi applikata metodoloġija waħda komuni fl-istess perjodu ta’ żmien għall-banek sinifikanti kollha taħt superviżjoni bankarja Ewropea.

Il-kunċett tas-SREP daħal għall-ewwel darba fl-2004 bil-ftehim Basel II stabbilit mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja. Fl-2006 ġew implimentati regoli aġġornati fl-UE kollha u minn dakinhar ’il quddiem is-superviżuri nazzjonali ta’ pajjiżi differenti bdew jimxu magħhom.

L-ikbar banek taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE jafu x’hemm jistenniehom: il-proċess kulma jmur qiegħed isir iżjed trasparenti u l-banek transkonfinali, b’mod partikolari, qegħdin jibbenefikaw minn rekwiżiti iżjed armonizzati.

Il-BĊE bagħat l-ewwel deċiżjonijiet SREP fil-bidu tal-2015. Dawn kienu għadhom imfasslin fuq metodi nazzjonali u ġew supplimentati bir-riżultati tal-verifika tal-2014, magħrufa bħala l-“evalwazzjoni komprensiva”.

It-tieni ċiklu ta’ deċiżjonijiet SREP, li ġew finalizzati fi tmiem l-2015, tfassal għall-ewwel darba fuq metodu komuni applikat għall-banek sinifikanti kollha. Dan huwa pass importanti li se jkompli jwassal biex il-banek Ewropej ikunu trattati bl-istess mod.

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)