Menu

X’inhuma l-provvedimenti u l-kopertura ta’ self improduttiv (NPL)?

21 ta’ Diċembru 2020

X'inhi l-kopertura tal-provvedimenti u ta’ self improduttiv (NPL)?

Meta jagħtu self lill-klijenti tagħhom, il-banek dejjem jesponu ruħhom għar-riskju tal-kreditu – ir-riskju li min jissellef jista’ ma jħallasx lura s-self. Meta jiġri hekk, is-self jingħad li jsir improduttiv. Self isir improduttiv meta l-bank iqis li min jissellef mhux probabbli li jħallsu lura, jew meta min jissellef ikun 90 jum tard biex jagħmel ħlas.

Self improduttiv (NPLs) inaqqas id-dħul tal-banek u jikkawża telf, li jaffettwa s-sodizza tagħhom. Banek b’livelli għoljin ta’ self improduttiv ma jkunx jistgħu jsellfu lill-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji. Dan jagħmel ħsara lill-ekonomija kollha kemm hi.

Jilqgħu għat-telf: provvedimenti u kopertura

Kull bank irid jipprepara biex jagħmel telf fuq is-self tiegħu. Biex ipatti għal dan ir-riskju tal-kreditu, il-bank jistma t-telf futur mistenni fuq is-self u jibbukkja provvediment korrispondenti. L-ibbukkjar ta’ provvediment ifisser li l-bank jirrikonoxxi telf fuq is-self qabel iż-żmien. Il-banek jużaw il-kapital tagħhom biex jassorbu dan it-telf: billi jibbukkjaw provvediment il-bank iġarrab telf u għalhekk inaqqas il-kapital tiegħu bl-ammont ta’ flus li ma jkunx jista’ jiġbor mingħand il-klijent.

Il-banek m’għandhomx għalfejn jibbukkjaw provvedimenti għall-valur sħiħ ta’ self improduttiv, minħabba li xorta jistgħu jirċievu xi ħlasijiet lura mill-klijent. Jistgħu wkoll ikunu kapaċi jirkupraw parti mill-ammont tas-self billi jbigħu l-assi jew il-proprjetà li l-klijent ta bħala kollateral (garanzija). It-telf nett biss li hu mistenni għandu jkun kopert. Il-porzjon tas-self improduttiv kopert b'provvediment jissejjaħ il-kopertura tal-NPL tal-bank. Juri sa liema punt il-bank diġà rrikonoxxa telf li jistenna minn self improduttiv.

Bank kif jibbukkja provvediment?

Eżempju: bank għandu self improduttiv li jiswa €100 u jistenna li t-telf nett fuqu jkun ta’ €40. Jkopri dan it-telf billi jibbukkja provvedimenti għal €40, għalhekk il-proporzjon ta’ kopertura NPL tiegħu huwa ta' 40%.

L-iżgurar ta’ provvedimenti suffiċjenti: proporzjon ta' kopertura minima

Biex jiġi żgurat li l-banek jibbukkjaw provvedimenti suffiċjenti, id-dritt tal-UE tistabbilixxi proporzjon minimu ta’ kopertura li l-banek huma meħtieġa jżommu. Jekk bank ma jkunx ibbukkja provvedimenti biżżejjed biex ikopri s-self improduttiv il-ġdid tiegħu, għandu jikkoreġi n-nuqqas billi jnaqqas l-ammont nieqes mill-kapital tiegħu. Dan jista’ potenzjalment ifisser inkwiet għal bank jekk ma jkollux biżżejjed riżervi kapitali minbarra r-rekwiżiti minimi biex jopera b'mod sigur.

Żgurar ta’ kopertura f'waqtha: kalendarju għall-provvedimenti

Il-banek m’għandhomx idewwmu wisq l-kopertura ta’ self improduttiv. Ħafna għodod u mekkaniżmi ġew stabbiliti biex jiżguraw li l-provvedimenti tat-telf tal-banek mhumiex biss suffiċjenti iżda wkoll f’waqthom. Wieħed minnhom hu kalendarju ta’ provvedimenti definit minn qabel li jaħdem bħala sostenn għal kopertura insuffiċjenti ta’ NPL.

Dan kif jaħdem? Il-kalendarju jiddetermina l-livell meħtieġ ta’ kopertura f’punti differenti fi żmien, li jibda mid-data li fiha s-self ma jibqax produttiv. Aktar ma self jibqa’ improduttiv, inqas ikun probabbli li jerġa’ jsir produttiv u iktar ma għandu jkun għoli l-provvediment. Il-kopertura meħtieġa għalhekk tiżdied gradwalment maż-żmien sakemm tilħaq 100%.

Il-kalendarju meħtieġ jiddependi fuq jekk is-self huwiex iggarantit (fi kliem ieħor sostnut minn kollateral jew proprjetà) jew le. Jekk is-self ma jkunx iggarantit, il-bank għandu jkoprih għalkollox mhux aktar tard minn tliet snin. Self iggarantit għandu jkun kopert kompletament fi żmien seba’ sa disa’ snin.

Is-sostenn għall-provvedimenti tat-telf jgħin biex jiġi żgurat li l-banek ikunu mħejjija kif xieraq kontra telf ta’ kreditu. Iżda s-sostenn japplika biss għal self li l-banek ikklassifikaw bħala improduttivi. Il-banek għalhekk għandhom iżommu għajnejhom fuq is-self li jkunu taw, jidentifikaw minnufih dak is-self li huwa f’riskju li jsir improduttiv u jikklassifikawh kif xieraq.

Tagħrif ieħor

Ir-rekwiżit tal-kopertura li joħroġ mid-dritt tal-UE (“Pilastru 1 mekkaniżmu ta’ sostenn”) jorbot għall-banek kollha fl-Unjoni Ewropea u japplika għal self mogħti mis-26 ta’ April 2019 ’il quddiem. Self mogħti qabel dik id-data huwa suġġett għal aspettattivi mhux vinkolanti li joħorġu mis-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE (“Aspettattivi tal-Pilastru 2”), li jsegwu loġika simili. Għal aktar dettalji dwar l-interazzjoni bejn ir-rekwiżiti vinkolanti u l-aspettattivi superviżorji mhux vinkolanti, ara l-komunikazzjoni ta’ Awwissu 2019 dwar l-aspettattivi tal-kopertura superviżorja.

Komunikazzjoni dwar l-aspettattivi tal-kopertura superviżorja għall-NPEs