Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X’inhu sehem il-BĊE f’għaqdiet (mergers) u akkwisti ta’ banek?

5 ta' April 2019

Ir-rwol tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE fil-konsolidazzjoni tal-banek jiddependi fuq it-tip ta’ tranżazzjoni li l-banek jagħżlu. Il-BĊE għandu rwol formali jekk it-tranżazzjoni bejn il-banek timplika akkwist ta’ sehem kwalifikanti jew il-ħolqien ta' bank ġdid, jew jekk l-għaqda tinvolvi banek sinifikanti u l-liġi f'pajjiżhom tagħti s-setgħa lis-superviżur li japprova l-għaqdiet .

Fi kwalunkwe każ, it-tranżazzjoni tiġi riveduta bħala parti mis-superviżjoni kontinwa tal-istituzzjonijiet involuti. Dan ifisser li s-superviżuri jivvalutaw il-vijabbiltà u s-sostenibbiltà tal-ftehim magħmul mill-banek biex jiżguraw li l-grupp bankarju li jirriżulta jkun kapaċi jikkonforma kontinwament mar-rekwiżiti prudenzjali kollha fil-futur prevedibbli. Għal dan il-għan, is-superviżuri jeżaminaw il-mudell tan-negozju tal-bank li jirriżulta mit-tranżazzjoni. B'mod partikolari, jivverifikaw jekk il-bank għandux livelli adegwati ta’ kapital u likwidità u jekk hux se jkun kapaċi jżommhom matul iż-żmien. Jivvalutaw ukoll jekk il-bank għandux governanza b'saħħitha bi tmexxija xierqa u kapaċi jiġġenera profitti. Fil-qosor: il-BĊE jħares lejn il-pjan tan-negozju, il-projezzjonijiet f'dak il-pjan u l-kredibilità tagħhom (inkluż ir-riskju tal-eżekuzzjoni u t-tqabbil mal-pari) u jivvaluta jekk l-entità li tirriżulta tistax tiżgura konformità kontinwa mar-rekwiżiti u l-bafers kollha.

Il-konsolidazzjoni tal-bank jista’ jkollha rwol importanti fit-tneħħija tal-kapaċità żejda, bit-titjib tal-kosteffiċjenza u fil-promozzjoni ta' mudelli ta’ negozju aktar iffokati u kredibbli. Il-konsolidazzjoni transkonfinali tista’ wkoll tappoġġja diversifikazzjoni akbar tar-riskju u tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-suq finanzjarju, għan importanti fi ħdan l-unjoni bankarja. Madankollu, mhuwiex ir-rwol tal-BĊE li jippromwovi attivament (jew jevita) kwalunkwe forma ta’ konsolidazzjoni ta’ bank. Bħala awtorità superviżorja l-BĊE għandu jżomm pożizzjoni newtrali u jivvaluta kull proġett imressaq mill-banek purament skont raġunijiet tekniċi.

X’inhi għaqda bankarja u kif inhu involut il-BĊE?

Għaqda (eż. għaqda b'assorbiment) ġeneralment tfisser li l-ġenituri ta’ żewġ banek jingħaqdu flimkien biex joħolqu kumpannija prinċipali konġunta ġdida li tmexxi grupp bankarju akbar. Il-karta tal-bilanċ tal-grupp bankarju l-ġdid fiha l-attiv u l-passiv tal-banek li qed jingħaqdu.

L-involviment tal-BĊE f’għaqda jiddependi mil-liġi tal-pajjiż jew tal-pajjiżi fejn il-banek li qed jingħaqdu għandhom il-kwartjieri ġenerali tagħhom. Dan għaliex l-għaqdiet mhumiex irregolati mil-liġi Ewropea, iżda mil-liġi nazzjonali. Jekk il-liġi tal-pajjiż ikkonċernat tagħti setgħat lis-superviżur nazzjonali f'dan ir-rigward, il-BĊE jeżerċita dawk is-setgħat meta jiġu għall-għaqdiet ta’ banek sinifikanti sorveljati direttament mill-BĊE.

Pereżempju, fil-Ġermanja, il-Lussemburgu u xi ġurisdizzjonijiet oħra s-superviżur nazzjonali m'għandux is-setgħa li japprova l-għaqdiet. F'dawn il-każijiet, l-involviment tal-BĊE huwa li t-tranżazzjoni tiġi riveduta bħala parti mis-superviżjoni kontinwa tal-istituzzjonijiet involuti. Madankollu, amalgamazzjoni tista’ twassal għal proċedura ta' ishma kwalifikanti, li teħtieġ l-approvazzjoni tal-BĊE (ara aktar 'l isfel dwar dan). Barra minn hekk, jekk żewġ banek jew aktar jingħaqdu f'entità maħluqa ġdida, tista’ ssir neċessarja liċenzja bankarja ġdida, li jfisser li l-BĊE jkun involut peress li jagħti l-liċenzji bankarji kollha fiż-żona tal-euro.

Min-naħa l-oħra, pereżempju fl-Italja, il-Greċja, is-Slovenja u l-Belġju, is-superviżur nazzjonali għandu s-setgħa li japprova l-għaqdiet jew ikun involut fil-proċess tal-approvazzjoni. Għaldaqstant, jekk żewġ banek sinifikanti jew aktar minn dawn il-pajjiżi jiddeċiedu li jingħaqdu, il-Bord Superviżorju tal-BĊE se jivvaluta l-impatt tal-għaqda fuq il-profitt, is-solvenza u l-likwidità tal-bank li jirriżulta u fuq l-istruttura organizzattiva tiegħu, kif ukoll il-kapaċità teknika tiegħu biex jikkonforma ma’ rekwiżiti ta’ governanza (kif stabbilit fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital).

X’inhu sehem il-BĊE f’akkwisti ta’ banek?

Il-BĊE jeħtieġ li japprova kull sehem kwalifikanti, jiġifieri kull akkwist ta’ parteċipazzjoni f’bank li jirrappreżenta 10% jew aktar tal-ishma u/jew id-drittijiet tal-vot f'dak il-bank jew jaqsam limiti oħra relevanti.

Rigward il-proċess, il-bank li qed jippjana li jakkwista sehem kwalifikanti għandu jinnotifika lis-superviżur nazzjonali. Is-superviżur nazzjonali u l-BĊE jivvalutaw l-akkwist propost skont il-ħames kriterji stabbiliti fid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali:

Reputazzjoni tal-akkwirent propost L-akkwirent propost għandu l-integrità u l-kredibbiltà meħtieġa, e.g. m’għandux kondotta kriminali jew każijiet il-qorti? Aspett ieħor huwa l-kompetenza professjonali tal-akkwirent, i.e. ir-rekord tiegħu fl-amministrazzjoni u/jew fl-investiment fl-industrija finanzjarja.
Reputazzjoni u esperjenza tal-maniġers ġodda proposti L-akkwirent biħsiebu jimplimenta tibdil fil-korpi maniġerjali tal-bank? Jekk iva, għandha ssir valutazzjoni tal-kompetenza u l-idoneità tal-membri l-ġodda tal-bord.
Solidità finanzjarja tal-akkwirent L-akkwirent propost kapaċi jiffinanzja l-akkwist propost u jżomm struttura finanzjarja soda għall-ġejjieni prevedibbli? Dan huwa vvalutat fil-kuntest tal-eżami tal-kredibilità tal-pjan tan-negozju u l-abbiltà tal-bank fil-mira li jiżgura konformità kontinwa mar-rekwiżiti superviżorji.
Impatt fuq il-bank Il-bank se jibqa’ kapaċi jlaħħaq mar-rekwiżiti prudenzjali? Ngħidu aħna, bank m’għandux jitqiegħed taħt pressjoni minħabba li parti mill-akkwist tkun iffinanzjata b’dejn. L-istruttura tal-akkwirent ukoll m’għandhiex tkun tant kumplessa li s-superviżur ma jkunx jista’ jagħmel superviżjoni tal-bank b’mod effettiv.
Riskju ta’ rbit mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu Jista’ jiġi verifikat li l-fondi involuti ma jkunux ġejjin minn xi attività kriminali jew ma jkollhomx rabta mat-terroriżmu? Il-valutazzjoni tistħarreġ ukoll jekk l-akkwist jistax iżid potenzjalment ir-riskju tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu.

Għal iktar dwar ishma kwalifikanti, aqra l-ispjegazzjoni tagħna.

X’jiġri jekk il-bank li għadu kif ġie ffurmat huwa ġgant bankarju li huwa kbir wisq biex ifalli?

Il-BĊE m'għandu l-ebda preġudizzju kontra d-daqs u ma jiskoraġġixxix lill-banek milli jsiru akbar fil-prinċipju Rigward il-kunċett “kbir wisq biex ifalli”, hemm standards miftiehma internazzjonalment li jeħtieġu li banek kbar u sistemiċi jżommu bafers kapitali addizzjonali u/jew kapaċitajiet li jassorbu t-telf. B'mod aktar speċifiku, il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja jikklassifika l-banek skont metrika speċifika u, bħala riżultat, is-superviżuri jistgħu jitolbu żidiet kapitali u kapital li jassorbi t-telf. L-istess regoli japplikaw għall-banek kollha fil-livell globali.

Barra minn hekk, il-banek kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom, għandhom ikunu riżolvibbli f’kull żmien. Biex tiġi żgurata r-riżolvibbiltà tagħhom, jeħtieġu strutturi legali sempliċi u pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tajba.

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni huwa responsabbli għall-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà u għad-determinazzjoni tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) li għandu jkollhom il-banek.

SEE ALSO

Find out more about related content

Find out more

Authorisations
Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)