L-għanijiet strateġiċi tal-Eurosistema u tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku
Awtorità rikonoxxuta f’affarijiet monetarji u finanzjarji
Filwaqt li ssaħħaħ il-bażi kostituzzjonali soda, l-indipendenza u l-koeżjoni interna tagħha, l-Eurosistema, li hija s-sistema ta’ banek ċentrali taż-żona tal-euro, taġixxi bħala l-awtorità monetarja taż-żona tal-euro u bħala awtorità finanzjarja ewlenija rikonoxxuta bis-sħiħ fl-Ewropa u ’l barra minnha. Biex tilħaq l-għan ewlieni tagħha li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-Eurosistema se twettaq l-analiżi ekonomika u monetarja meħtieġa u tadotta u timplimenta l-politika xierqa. Hija se twieġeb ukoll b’mod xieraq u effikaċi għall-iżviluppi monetarji u finanzjarji.
Stabbiltà finanzjarja u integrazzjoni finanzjarja Ewropea
Fl-Eurosistema u fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), l-għan tagħna huwa li nissalvagwardaw l-istabbiltà finanzjarja u nħeġġu l-integrazzjoni finanzjarja Ewropea b’kooperazzjoni mal-istrutturi istituzzjonali stabbiliti. Għalhekk se nagħtu l-kontribut tagħna għal politika li tipprovdi struttura Ewropea u dinjija b’saħħitha għall-istabbiltà finanzjarja.
Responsabbiltà, indipendenza, kredibbiltà; qrubija maċ-ċittadini tal-Ewropa
Fl-Eurosistema u fi ħdan il-MSU, aħna nagħtu importanza kbira lill-kredibbiltà u r-responsabbiltà u se nkunu trasparenti filwaqt li nosservaw għalkollox ir-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità applikabbli. Naħdmu biex ikollna komunikazzjoni effikaċi maċ-ċittadini tal-Ewropa. Aħna nimpenjaw ruħna li jkollna relazzjonijiet mal-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali bi qbil sħiħ mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u b’rispett xieraq għall-prinċipju tal-indipendenza. Għalhekk se nżommu ruħna aġġornati mat-tibdil u l-iżviluppi li jolqtu s-swieq monetarji u finanzjarji u se nkunu sensittivi għall-interessi tal-pubbliku u l-ħtiġijiet tas-swieq.
Identità komuni, rwoli u responsabbiltajiet ċari u governanza tajba
Fl-Eurosistema u l-MSU, l-għan tagħna huwa li nsaħħu l-identitajiet komuni tagħna fi ħdan qafas ta’ rwoli u responsabbiltajiet definiti b’mod ċar għall-parteċipanti kollha. Għalhekk kemm l-Eurosistema kif ukoll il-MSU se jsaħħu l-involviment potenzjali u profond tal-membri kollha tagħhom kif ukoll l-impenn u r-rieda tagħhom biex jaslu għal qbil. Barra dan, l-Eurosistema u l-MSU jħaddnu l-ideal ta’ governanza tajba u japplikaw strutturi organizzattivi u metodi ta’ ħidma effettivi u effiċjenti.
L-aqwa prattika fis-superviżjoni bankarja; l-istess trattament u l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd
Aħna fil-MSU se nkejlu l-qafas superviżorju tagħna mal-ogħla standards internazzjonali. Se ngħaqqdu l-aħjar metodi nazzjonali biex nibnu qafas tal-aqwa prattika għas-superviżjoni bankarja fost l-Istati Membri parteċipanti filwaqt li nibbenefikaw minn dak li nosservaw fl-istituzzjonijiet kollha. Il-MSU se jiggarantixxi konformità mal-ġabra unika tar-regoli u mal-prinċipji u l-prattiki superviżorji applikabbli sabiex jiġu garantiti l-istess kundizzjonijiet u l-istess trattament għall-istituzzjonijiet kollha suġġetti għas-superviżjoni.
Metodu bbażat fuq ir-riskju u proporzjonalità; azzjoni superviżorja
Is-superviżjoni bankarja tal-MSU se tkun aġli u bbażata fuq ir-riskju, filwaqt li tinvolvi ġudizzju u evalwazzjoni kritika li tħares ’il quddiem. Se tqis kemm il-probabbiltà ta’ falliment ta’ istituzzjonijiet jew ta’ istituzzjoni kif ukoll l-impatt li dan il-falliment jista’ jkollu fuq l-istabbiltà finanzjarja. Il-prattiki superviżorji tal-MSU se jsegwu l-prinċipju tal-proporzjonalità filwaqt li jfasslu l-intensità tas-superviżjoni skont l-importanza sistemika u l-profil tar-riskju tal-banek suġġetti għas-superviżjoni. Il-metodu tal-MSU jrawwem azzjoni superviżorja effiċjenti u f’waqtha kif ukoll monitoraġġ bir-reqqa tar-reazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.