Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X’inhi parteċipazzjoni kwalifikanti?

18 ta’ Marzu 2016

Parteċipazzjoni f’bank tista’ tkun deskritta bħala “parteċipazzjoni kwalifikanti” meta tirrappreżenta 10% jew iżjed tal-ishma u/jew tad-drittijiet għall-vot fil-bank jew taqbeż il-limiti rilevanti l-oħra (20%, 30% jew 50%). Barra dan, il-kisba tad-drittijiet għall-ħatra (tal-maġġoranza) tal-bord maniġerjali jew xi mezz ieħor li jipprovdi influwenza sinifikanti fuq il-maniġment tal-bank ukoll jidħlu fl-ambitu ta’ “parteċipazzjoni kwalifikanti”.

Bħala s-superviżur bankarju Ewropew, il-BĊE huwa responsabbli għall-approvazzjoni tal-proposti ta’ akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti għall-banek kollha fil-pajjiżi parteċipanti.

Għaliex l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti teħtieġ l-approvazzjoni minn qabel?

Il-proċess tal-approvazzjoni għandu l-għan li jiżgura li azzjonisti xierqa biss jidħlu fis-sistema bankarja biex ma jkunx hemm problemi għall-funzjonament bla xkiel tas-sistema bankarja.

B’mod partikolari, l-evalwazzjoni hija maħsuba biex tiżgura li l-akkwirent propost ikollu reputazzjoni tajba u s-solidità finanzjarja meħtieġa, li l-bank fil-mira jkompli jissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali tiegħu u li t-tranżazzjoni ma tkunx iffinanzjata bi flus ġejjin minn attivitajiet kriminali.

Min jista’ jakkwista parteċipazzjoni kwalifikanti?

B’mod ġenerali, kull min jissodisfa l-kriterji ta’ evalwazzjoni jista’ jakkwista parteċipazzjoni kwalifikanti f’bank. Dan jinkludi kemm persuni fiżiċi kif ukoll persuni ġuridiċi.

Liema kriterji jiġu evalwati?

Il-kriterji huma armonizzati fil-livell Ewropew. Id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRD) tistabbilixxi ħames kriterji li fuqhom tiġi evalwata proposta ta’ akkwiżizzjoni:

Reputazzjoni tal-akkwirent propost L-akkwirent propost għandu l-integrità u l-kredibbiltà meħtieġa, e.g. m’għandux kondotta kriminali jew każijiet il-qorti? Aspett ieħor huwa l-kompetenza professjonali tal-akkwirent, i.e. ir-rekord tiegħu fl-amministrazzjoni u/jew fl-investiment fl-industrija finanzjarja.
Reputazzjoni u esperjenza tal-maniġers ġodda proposti L-akkwirent biħsiebu jimplimenta tibdil fil-korpi maniġerjali tal-bank? Jekk iva, għandha ssir evalwazzjoni tal-kompetenza u l-idoneità tal-membri l-ġodda tal-bord.
Solidità finanzjarja tal-akkwirent L-akkwirent propost kapaċi jiffinanzja l-akkwiżizzjoni proposta u jżomm struttura finanzjarja solida għall-ġejjieni prevedibbli? Dan jinkludi l-identifikazzjoni ta’ min se jkun responsabbli għall-kontribuzzjoni ta’ supplimenti għall-kapital tal-bank fil-mira.
Impatt fuq il-bank Il-bank se jibqa’ kapaċi jlaħħaq mar-rekwiżiti prudenzjali? Ngħidu aħna, bank m’għandux jitqiegħed taħt pressjoni minħabba li parti mill-akkwiżizzjoni tkun iffinanzjata b’dejn. L-istruttura tal-akkwirent ukoll m’għandhiex tkun tant kumplessa li s-superviżur ma jkunx jista’ jagħmel superviżjoni tal-bank b’mod effettiv.
Riskju ta’ rbit mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu Jista’ jiġi verifikat li l-fondi involuti ma jkunux ġejjin minn xi attività kriminali jew ma jkollhomx rabta mat-terroriżmu? L-evalwazzjoni tistħarreġ ukoll jekk l-akkwiżizzjoni tistax iżżid potenzjalment ir-riskju tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu.

Kif jittieħdu d-deċiżjonijiet?

L-akkwirent propost jgħarraf l-intenzjoni tiegħu li jakkwista parteċipazzjoni kwalifikanti lis-superviżur bankarju nazzjonali tal-bank fil-mira. Is-superviżur nazzjonali jagħmel l-evalwazzjoni tal-bidu u jħejji abbozz ta’ proposta għall-BĊE. Bil-kooperazzjoni tas-superviżur nazzjonali, il-BĊE jagħmel l-evalwazzjoni tiegħu u mbagħad jgħarraf lill-akkwirent propost u lis-superviżur(i) nazzjonali involuti bil-konklużjoni tal-evalwazzjoni.

L-evalwazzjoni m’għandhiex tieħu iżjed minn 60 jum tax-xogħol. Jekk ikun jinħtieġ iżjed tagħrif, dan il-perjodu jista’ jitwal b’20 jum tax-xogħol ieħor jew 30 jum tax-xogħol ieħor f’ċerti każijiet.

X’jiġri jekk żewġ akkwirenti (jew aktar) ikunu jridu jakkwistaw l-istess bank fl-istess żmien?

Jekk il-BĊE jirċievi bosta notifiki fl-istess żmien, irid jittrattahom bl-istess mod. Mhuwiex kompitu tal-BĊE li jesprimi xi preferenza fir-rigward ta’ liema akkwirent propost għandu jiġi awtorizzat jakkwista l-bank. Il-kompitu tal-BĊE huwa li jiżgura li l-akkwirent propost ikun jikkonforma mal-ħames kriterji msemmijin hawn fuq. Jekk bosta akkwirenti proposti jissodisfaw il-kriterji tal-evalwazzjoni, id-deċiżjoni finali fuq min jakkwista l-bank tiddependi mis-sidien tal-bank.

Jista’ l-BĊE jimponi kundizzjonijiet meta jiddeċiedi fuq applikazzjoni?

Iva, dan jista’ jagħmlu jew mal-proposta tas-superviżur nazzjonali jew minn jeddu. Madankollu, il-kundizzjonijiet imposti fuq l-akkwirenti proposti għandu jkollhom x’jaqsmu mal-ħames kriterji tal-evalwazzjoni. Jekk il-kundizzjonijiet jolqtu b’mod negattiv id-drittijiet tal-akkwirent propost, issir laqgħa biex l-akkwirent propost ikollu l-opportunità jirreaġixxi.

X’jiġri jekk id-deċiżjoni tmur kontra l-applikant?

Jekk l-akkwiżizzjoni proposta ma tiġix aċċettata jew jekk l-akkwirent propost iqis li d-deċiżjoni tmur kontrih fi kwalunkwe mod, l-akkwirent propost jista’ jikkontesta d-deċiżjoni quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-BĊE. Jekk il-konklużjoni ta’ din il-proċedura ma tkunx sodisfaċenti għall-akkwirent propost, dan jista’ jappella quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

X’jiġri jekk żewġ kumpaniji jingħaqdu f’waħda? Dan ukoll iwassal għal evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni kwalifikanti?

Iva, jekk il-merġer iwassal biex bank minnhom jirċievi 10% jew iżjed tal-ishma u/jew tad-drittijiet għall-vot f’bank ieħor, jew jaqbeż il-limiti rilevanti l-oħra stabbiliti fid-Direttiva CRD (20%, 30% jew 50%).

Madankollu, jekk il-merġer ma jimplikax l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti, ir-reġim li japplika jiddependi mil-liġi nazzjonali. Filwaqt li xi Stati Membri jitolbu li l-merġers jiġu approvati bil-quddiem, oħrajn m’għandhomx dan ir-rekwiżit.

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)