Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

1 Daħla

Il-prijoritajiet superviżorji tal-MSU jirriflettu l-istrateġija ta’ terminu medju tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE għat-tliet snin li ġejjin. Dawn huma stabbiliti mill-Bord Superviżorju, jiġu riveduti kull sena, u huma bbażati fuq valutazzjoni komprensiva tar-riskji u tal-vulnerabbiltajiet ewlenin għall-istituzzjonijiet taħt superviżjoni. Il-prijoritajiet iqisu wkoll l-eżitu tal-Proċess ta’ Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorji (SREP)[1] u l-progress li jsir fil-prijoritajiet mis-snin ta’ qabel. Dawn jappoġġaw allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi superviżorji disponibbli u jistgħu jiġu aġġustati b’mod flessibbli jekk dan ikun ġustifikat minħabba bidliet fix-xenarju tar-riskju.

L-istituzzjonijiet taħt superviżjoni nnavigaw sew ix-xokkijiet makrofinanzjarji u ġeopolitiċi negattivi ta’ dawn l-aħħar snin. Elementi fundamentali robusti – bħal pożizzjonijiet kapitali u riżervi ta’ likwidità sodi jew livelli aktar baxxi ta’ self improduttiv (NPLs) – għenu lill-banek ilaħħqu mal-isfidi li rriżultaw mill-pandemija tal-coronavirus (COVID-19) u mit-tfixkil relatat fil-ktajjen tal-provvista, mill-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna u mix-xokk sussegwenti fil-provvista tal-enerġija, kif ukoll mill-fallimenti reċenti ta’ banek fl-Istati Uniti u fl-Iżvizzera. Il-kapaċità tas-settur bankarju li jiflaħ għal reċessjoni ekonomika severa ġie kkonfermat ukoll mill-eżitu tat-test tal-istress ta’ din is-sena li sar madwar l-UE kollha.[2]

B’ħarsa ’l quddiem, is-settur bankarju Ewropew qiegħed jiffaċċja diversi sfidi li jeħtieġu viġilanza msaħħa kemm mis-superviżuri kif ukoll mill-banek. Filwaqt li ż-żieda mgħaġġla fir-rati tal-imgħax s’issa kienet ta’ benefiċċju għall-profittabilità tal-banek, l-ambjent ta’ rati tal-imgħax ogħla huwa mistenni jżid kemm il-volatilità ta’ xi sorsi ta’ finanzjament kif ukoll il-kostijiet ta’ finanzjament tal-banek fit-terminu medju, hekk kif ammonti sostanzjali ta’ finanzjament mill-banek ċentrali waslu sabiex jiġu ssostitwiti. Barra minn hekk, il-kwalità tal-assi tal-banek tista’ terġa’ tibda tiddeterjora jekk ir-riskji ġeopolitiċi jimmaterjalizzaw jew inflazzjoni għolja flimkien ma’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti joħolqu diffikultajiet fil-kapaċità tas-servizz tad-dejn tal-unitajiet domestiċi u tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji. Primjums b’riskju ogħla jistgħu jwasslu għal ipprezzar mill-ġdid ulterjuri tal-assi finanzjarji u għal episodji ġodda ta’ volatilità kbira fis-swieq finanzjarji. F’dan l-isfond, huwa essenzjali li l-banek iżommu u jkomplu jsaħħu l-oqfsa tagħhom tar-riskju ta’ kreditu u tal-ġestjoni tal-attiv u tal-passiv (ALM), filwaqt li jiżguraw, għal dawn tal-aħħar, li jkunu koperti kemm ir-riskji ta’ likwidità u dawk ta’ finanzjament kif ukoll ir-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax fil-portafoll bankarju (IRRBB).

Il-falliment ta’ numru ta’ banek ta’ daqs medju fl-Istati Uniti u l-akkwiżizzjoni ta’ bank Żvizzeru għal darb’oħra enfasizzaw li l-banek jeħtieġu governanza interna b’saħħitha u kontrolli tar-riskju effettivi sabiex ilaħħqu ma’ xenarju tar-riskju li qiegħed jevolvi b’mod dinamiku. Il-fallimenti tal-banek enfasizzaw ukoll l-importanza ta’ rispons superviżorju f’waqtu u effettiv u, jekk meħtieġa, ta’ eskalazzjoni, kull meta l-prattiki tal-banek jidhru inadegwati u l-azzjoni ta’ rimedju tkun qed issir bil-mod. F’dan l-isfond, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tapplika progressivament il-mekkaniżmi u l-għodod ta’ eskalazzjoni xierqa sabiex tiżgura li l-banek jindirizzaw malajr u b’suċċess in-nuqqasijiet identifikati fil-prijoritajiet superviżorji. Dan huwa speċjalment il-każ fil-governanza, li fiha xi banek ma indirizzawx nuqqasijiet kbar b’mod adegwat minkejja l-involviment ta’ superviżuri li ilu għaddej żmien twil, pereżempju dawk relatati mal-funzjonament u mal-kapaċitajiet ta’ tmexxija tal-korpi maniġerjali jew mal-kapaċitajiet ta’ aggregazzjoni u ta’ rappurtar tad-data dwar ir-riskju (RDAR). Jeħtieġ ukoll li l-banek jiżguraw li l-prattiki tagħhom ikunu allinjati bis-sħiħ mal-ġestjoni tajba tar-riskji relatati mal-klima u ambjentali (C&E). Iridu jagħmlu dan sa mhux aktar tard minn tmiem l-2024, u s-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE stabbiliet ukoll skadenzi interim sa meta l-banek iridu jissodisfaw ċerti rekwiżiti.

Peress li t-trasformazzjoni diġitali saret prijorità għal ħafna banek li jfittxu li jibqgħu kompetittivi, huwa essenzjali li jkollhom fis-seħħ salvagwardji adegwati sabiex jillimitaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw minn prattiki u minn teknoloġiji kummerċjali ġodda. L-investigazzjonijiet superviżorji wrew li filwaqt li xi banek diġà għamlu progress tajjeb fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom, oħrajn ma allokawx ir-riżorsi neċessarji sabiex jilħqu l-għanijiet tagħhom. Barra minn hekk, it-theddid ċibernetiku li qiegħed jiżdied, xprunat mit-tensjonijiet ġeopolitiċi kurrenti, u d-dipendenza dejjem akbar fuq partijiet terzi bħala fornituri ta’ servizzi jenfasizzaw il-ħtieġa li l-banek jibqgħu reżiljenti u jiżguraw il-kontinwità tas-servizzi kritiċi tagħhom anki fil-każ ta’ interruzzjonijiet operazzjonali serji. F’dan l-isfond u flimkien mal-attivitajiet superviżorji mibdijin bħala parti minn dawn il-prijoritajiet, fix-xhur li ġejjin il-banek se jintalbu juru l-kapaċità tagħhom li jwieġbu għal avvenimenti negattivi bħal dawn u jirkupraw minnhom.

Filwaqt li x-xenarju tar-riskju kompla jevolvi mis-sena li għaddiet ’l hawn, il-prijoritajiet superviżorji u l-attivitajiet korrispondenti stabbiliti fl-2022 għadhom validi b’mod ġenerali u għadhom jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet ewlenin fis-settur bankarju. Minkejja l-istabbiltà neċessarja għall-ippjanar fuq perjodu ta’ tliet snin, huwa ġustifikat li jsiru xi ftit aġġustamenti partikolari sabiex jiġu indirizzati r-riskji enfasizzati hawn fuq.

Fil-kuntest tal-prijoritajiet superviżorji tal-MSU għall-2024-2026, l-istituzzjonijiet taħt superviżjoni se jintalbu sabiex primarjament isaħħu r-reżiljenza tagħhom għal xokkijiet makroekonomiċi u ġeopolitiċi immedjati (Prijorità 1), kif ukoll jaċċelleraw r-rimedjar effettiv tan-nuqqasijiet fil-governanza u fil-ġestjoni tar-riskji C&E (Prijorità 2) u jagħmlu aktar progress fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom u jibnu oqfsa robusti ta’ reżiljenza operazzjonali (Prijorità 3). L-Illustrazzjoni 1 telenka seba’ vulnerabbiltajiet ewlenin fil-banek li jistgħu jiġu assenjati għal tliet prijoritajiet ġenerali.

Illustrazzjoni 1

Prijoritajiet superviżorji għall-2024-2026, l-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet identifikati fil-banek

Sors: BĊE.
Noti: L-Illustrazzjoni turi t-tliet prijoritajiet superviżorji u l-vulnerabbiltajiet korrispondenti li l-banek huma mistennijin jindirizzaw matul is-snin li ġejjin. Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se twettaq attivitajiet immirati sabiex tivvaluta, timmonitorja u ssegwi l-vulnerabbiltajiet identifikati. Kull vulnerabbiltà hija assoċjata mal-kategorija ta’ riskju ġenerali tagħha.

L-iskop ewlieni tal-ippjanar strateġiku tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE huwa li tiġi żviluppata strateġija soda għat-tliet snin li ġejjin. Il-prijoritajiet jippromwovu l-effettività u l-konsistenza fl-ippjanar superviżorju tat-Timijiet Superviżorji Konġunti (JSTs) u jappoġġaw allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi, f’konformità mal-istabbiliment tal-livelli ta’ tolleranza tar-riskju korrispondenti. Jgħinu wkoll lis-superviżuri nazzjonali sabiex jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom stess għas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet anqas sinifikanti b’mod proporzjonat. Il-komunikazzjoni trasparenti tal-prijoritajiet tiċċara wkoll l-aspettattivi superviżorji lill-banek, issaħħaħ l-impatt li s-superviżjoni għandha fuq iż-żieda ulterjuri tar-reżiljenza tas-settur bankarju u tgħin sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti.

It-taqsimiet li ġejjin jipprovdu aktar dettall dwar l-eżitu tal-eżerċizzju ta’ identifikazzjoni u ta’ valutazzjoni tar-riskji tal-2023 u jistabbilixxu l-prijoritajiet superviżorji u l-programmi ta’ ħidma sottostanti għall-2024-2026. Attivitajiet regolari u ad hoc oħrajn jitwettqu wkoll mis-superviżuri bħala parti mill-impenn kontinwu tagħhom mal-banek u jikkomplementaw il-ħidma fuq il-prijoritajiet.

2 Valutazzjoni tar-riskju u prijoritajiet superviżorji għall-2024-2026

2.1 Ambjent operatorju għall-istituzzjonijiet taħt superviżjoni

Is-settur bankarju Ewropew wera r-reżiljenza għolja tiegħu għal xokkijiet esterni meta l-istress fis-setturi bankarji tal-Istati Uniti u tal-Iżvizzera f’Marzu ta’ din is-sena wassal biss għal effetti kollaterali limitati u temporanji. Il-banek Ewropej urew li huma b’saħħithom f’termini ta’ kapital, ta’ likwidità u ta’ kwalità tal-assi, u jistgħu wkoll jużaw sorsi ta’ finanzjament u klijentela ferm diversifikati. Il-profittabilità tagħhom, li ilha suġġett ta’ tħassib għal ħafna snin, irkuprat bis-saħħa dan l-aħħar grazzi għall-ambjent b’rati tal-imgħax ogħla u reġgħet lura għal livelli li ilhom ma jidhru aktar minn għaxar snin. Iż-żieda fir-reżiljenza tas-settur bankarju – miksuba wkoll permezz tat-tisħiħ tal-oqfsa regolatorji u superviżorji Ewropej – tista’, madankollu, terġa’ tiġi ttestjata fil-futur u ma jistax ikun hemm lok għal kompjaċenza.

Il-prospetti ta’ tkabbir għaż-żona tal-euro għadhom soġġetti għal inċertezza għolja fil-kuntest ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti u ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi akbar, filwaqt li l-perkorsi futuri tal-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel huma soġġetti għal riskji ta’ gwadann fil-valur.[3] Il-pressjonijiet inflazzjonarji qegħdin ikomplu jsawru l-ambjent impenjattiv u t-tkabbir dgħajjef fiż-żona tal-euro huwa mistenni jippersisti fit-terminu fil-qrib. Filwaqt li għad hemm dgħufijiet fis-settur tal-manifattura, l-attività fis-settur tas-servizzi – il-mutur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku s’issa – ukoll hija mistennija li tbatti minħabba li l-effetti mill-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija wara l-pandemija issa qed jisfumaw fix-xejn u l-pressjoni minn kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti u l-inċertezza ogħla fost il-konsumaturi jibqgħu sinifikanti. Is-suq tax-xogħol taż-żona tal-euro s’issa kien reżiljenti, iżda d-domanda għall-ħaddiema jaf tonqos jekk l-attività ekonomika tibqa’ staġnata.[4] Il-kundizzjonijiet tal-provvista tal-kreditu ġew issikkati b’mod sinifikanti minn Diċembru 2022 u d-dinamika tas-self battiet hekk kif l-issikkar rapidu tal-politika monetarja qiegħed jikkontribwixxi dejjem aktar għall-ekonomija reali.[5]

L-inflazzjoni ewlenija fiż-żona tal-euro hija pproġettata li se tkompli fit-triq tan-niżla fit-terminu medju, filwaqt li l-inflazzjoni sottostanti hija mistennija tonqos b’mod aktar gradwali.[6] Jekk il-politika monetarja teħtieġ aktar issikkar, jew jekk ir-rati tal-imgħax jibqgħu f’livelli ogħla għal aktar żmien f’xenarju ta’ inflazzjoni persistentement għolja, il-prospettiva tat-tkabbir ekonomiku tista’ tiddeterjora, sitwazzjoni li xxekkel il-kwalità tal-assi tal-banek. Filwaqt li l-unitajiet domestiċi u l-karti tal-bilanċ korporattivi jidhru li huma finanzjarjament sodi b’mod ġenerali, it-tħassib dwar il-kapaċità tas-servizz tad-dejn tal-mutwatarji qiegħed jikber, speċjalment fis-self għall-proprjetà immobbli. Minbarra l-erożjoni tal-kwalità tal-assi tal-banek f’każ ta’ reċessjoni ekonomika, fatturi ta’ darba bħall-imposta bankarja jikkostitwixxu riskju negattiv separat għall-qligħ tal-banek f’xi pajjiżi.

Taħlita ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi akbar, rati tal-imgħax “ogħla għal aktar fit-tul” u tnaqqis potenzjali fir-ritmu ekonomiku fiż-żona tal-euro jistgħu jirriżultaw f’turbolenzi mġeddin fis-swieq finanzjarji. It-taqlib fis-settur bankarju fl-Istati Uniti u fl-Iżvizzera fil-bidu ta’ Marzu, li wassal għal sentiment ta’ tnaqqis qawwi tar-riskju fost il-banek tal-Istati Uniti, infirex biss b’mod parzjali u temporanju fis-settur bankarju Ewropew. L-esternalità għaż-żona tal-euro baqgħet kontenuta u għal żmien qasir, il-volatilità tas-suq battiet, u l-prezzijiet tal-ishma taż-żona tal-euro rkupraw wara żmien qasir mix-xokk, speċjalment fis-settur bankarju, filwaqt li l-firxiet tal-bonds korporattivi reġgħu naqsu. Madankollu, deterjorament f’daqqa fil-perspettiva ekonomika jista’ jwassal għal episodji mġeddin ta’ volatilità akbar u ta’ korrezzjonijiet f’daqqa fil-prezzijiet tal-assi, li jirriżultaw f’aktar ssikkar tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament.

2.2 Prijoritajiet superviżorji għall-2024-2026

Il-prijoritajiet superviżorji huma stabbiliti wara valutazzjoni olistika tar-riskji u tal-vulnerabbiltajiet ewlenin tal-banek. It-tliet prijoritajiet ġenerali għat-tliet snin li ġejjin jiffokaw kemm fuq ir-riskji fil-futur qarib għas-settur bankarju (Prijorità 1) kif ukoll fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati sfidi aktar strutturali fit-terminu medju (Prijoritajiet 2 u 3). Kull prijorità timmira lejn sett ta’ vulnerabbiltajiet fis-settur bankarju – imsejħin “vulnerabbiltajiet prijoritizzati” – li għalihom ġew stabbiliti objettivi strateġiċi dedikati u ġew żviluppati programmi ta’ ħidma sabiex jittaffew ir-riskji sottostanti. Id-dipendenzi inkroċjati bejn ir-riskji huma riflessi fit-tfassil tal-programmi ta’ ħidma, li għandhom l-għan li jsaħħu kemm l-effiċjenza kif ukoll l-effettività tal-involviment tas-superviżuri mal-banek.

Prijorità 1: It-tisħiħ tar-reżiljenza għal xokkijiet makrofinanzjarji u ġeopolitiċi immedjati

L-ambjent makrofinanzjarju inċert, flimkien ma’ tensjonijiet ġeopolitiċi persistenti u r-riskju ta’ episodji mġeddin ta’ stress finanzjarju, qegħdin ikomplu jsawru l-prospettiva għas-settur bankarju Ewropew. L-istituzzjonijiet taħt superviżjoni jeħtieġ li jkunu prudenti u jiżviluppaw u jsegwu strateġiji ta’ negozju reżiljenti sabiex jipprovdu għall-ambjent makrofinanzjarju u ġeopolitiku li qiegħed jinbidel b’rata mgħaġġla. F’dan l-isfond, l-objettiv primarju tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE huwa li tiżgura li l-banek taħt is-superviżjoni diretta tiegħu jsaħħu r-reżiljenza tagħhom għal xokkijiet makrofinanzjarji u ġeopolitiċi immedjati. Filwaqt li s’issa ż-żieda fir-rati tal-imgħax kellha impatt pożittiv fuq il-profittabilità, il-banek iridu jkunu lesti sabiex ilaħħqu ma’ sorsi ta’ finanzjament aktar volatili, kostijiet ogħla ta’ finanzjament, tnaqqis potenzjali fil-kwalità tal-assi u pprezzar mill-ġdid ulterjuri fis-swieq finanzjarji fit-terminu qasir u medju. Konsegwentement, il-banek jeħtieġ li jsaħħu l-oqfsa tal-ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu u tal-ALM tagħhom.

Vulnerabbiltà prijoritizzata: Nuqqasijiet fl-oqfsa tal-ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu u tar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti

Objettiv strateġiku: Il-banek għandhom jirrimedjaw b’mod effettiv in-nuqqasijiet strutturali fl-oqfsa tagħhom tal-ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu, inkluż ir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti (CCR), u jindirizzaw kwalunkwe devjazzjoni mir-rekwiżiti regolatorji u mill-aspettattivi superviżorji b’mod tempestiv. Il-banek għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw u jimmitigaw malajr kwalunkwe akkumulazzjoni ta’ riskji f’portafolli li jkunu aktar sensittivi għall-ambjent makrofinanzjarju kurrenti.

Id-ditti u l-unitajiet domestiċi s’issa wrew ir-reżiljenza tagħhom għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku bis-saħħa ta’ profitti robusti, rati tal-qgħad baxxi u riżervi kbar ta’ tfaddil. Filwaqt li l-proporzjon u l-istokk ta’ NPL aggregat tal-istituzzjonijiet taħt superviżjoni għadhom qrib l-aktar livelli baxxi fl-istorja, dalwaqt jibdew jidhru sinjali ta’ deterjorament fil-kwalità tal-assi. Il-proporzjon tal-Istadju 2 żdied għas-self lill-unitajiet domestiċi, speċjalment is-self lill-konsumatur, billi l-pressjoni fuq l-introjtu reali flimkien ma’ rati tal-imgħax ogħla qiegħed ikollhom piż akbar fuq il-kapaċità ta’ servizz tad-dejn tal-unitajiet domestiċi. Bl-istess mod, il-fallimenti korporattivi u r-rati ta’ inadempjenza bdew telgħin mil-livelli baxxi osservati matul il-pandemija.

Iċ-ċiklu tal-proprjetà residenzjali (RRE) fiż-żona tal-euro dar, bi tnaqqis fir-ritmu tas-self ipotekarju u bi tnaqqis fil-prezzijiet tad-djar fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi taż-żona tal-euro. Is-suq tal-proprjetà kummerċjali (CRE) għadu juri tnaqqis fir-ritmu, bil-valwazzjonijiet u bil-volumi tat-tranżazzjonijiet li qegħdin jonqsu drastikament. Il-vulnerabbiltajiet strutturali u d-domanda aktar baxxa, b’mod partikolari għal assi ta’ kwalità aktar baxxa ta’ ħwienet tal-bejgħ bl-imnut u ta’ uffiċini, qegħdin jamplifikaw il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti u l-ambjent inċert tas-suq. L-iskoperturi tal-banek jidhru partikolarment vulnerabbli f’pajjiżi kkaratterizzati minn sovravalwazzjoni preeżistenti u b’sehem sinifikanti ta’ self b’rata varjabbli u ta’ self mhux ammortizzanti (eż. saldu uniku), li jista’ jkollhom riskju ogħla ta’ rifinanzjament.

Il-kombinazzjoni ta’ kostijiet ogħla ta’ finanzjament minħabba kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti u l-livell għoli ta’ volatilità fis-swieq finanzjarji qiegħda tamplifika r-riskji għall-istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji b’ingranaġġ għoli, speċjalment dawk b’pożizzjonijiet derivattivi kbar. L-iskopertura għal istituzzjonijiet bħal dawn tista’ tinvolvi CCR akbar għal xi banek, li jenfasizza l-ħtieġa għal prattiki sodi ta’ ġestjoni tar-riskju.

Is-superviżuri ilhom jaħdmu diversi snin sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet strutturali fl-oqfsa tal-ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-banek.[7] Filwaqt li l-attivitajiet superviżorji jiżvelaw li l-banek għamlu xi progress f’dan il-qasam, jenfasizzaw ukoll diversi nuqqasijiet persistenti. Dawn ivarjaw, pereżempju, mill-kapaċitajiet limitati tal-banek sabiex jantiċipaw ir-riskji emerġenti (inklużi r-riskji C&E) u jirriflettuhom b’mod adegwat fil-provvedimenti tar-riskju ta’ kreditu tagħhom, sa diskrepanzi fit-tħejjija tagħhom sabiex jindirizzaw żieda f’daqqa potenzjali fid-debituri f’diffikultà u fir-riskji ta’ rifinanzjament, u evidenza ta’ sovravalwazzjoni tal-kollateral fil-portafolli tas-CRE. Filwaqt li s-sejbiet ta’ dawk ir-reviżjonijiet ikkontribwew għall-eżitu tas-SREP tal-2023, ġew ikkomunikati miżuri superviżorji dedikati lill-banek, u s-superviżuri qegħdin jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ rimedju ppjanati mill-qrib.

Fir-rigward tal-ġestjoni tas-CCR, ir-reviżjoni mmirata mwettqa fl-2022 u l-ispezzjonijiet sussegwenti fuq il-post (OSIs) enfasizzaw in-nuqqasijiet materjali fid-diliġenza dovuta tal-klijenti tal-banek, id-definizzjoni tal-aptit għar-riskju, il-proċessi ta’ ġestjoni tal-inadempjenzi u l-oqfsa tal-ittestjar tal-istress. Filwaqt li l-istituzzjonijiet taħt superviżjoni għamlu progress fl-indirizzar tal-kwistjonijiet identifikati, għadu mistenni li jsir aktar sforz sabiex jinkiseb allinjament mill-qrib mar-rapport “Sound practices in counterparty credit risk governance and management” li ġie ppubblikat f’Ottubru 2023.

B’ħarsa ’l quddiem, l-attivitajiet superviżorji mill-programm ta’ ħidma tas-sena li għaddiet li huma mmirati lejn il-kisba tal-objettiv strateġiku fil-ġestjoni tal-kreditu u tas-CCR se jkomplu fil-biċċa l-kbira tagħhom. Madankollu, huwa neċessarju xi ffukar mill-ġdid sabiex jingħata lok għall-ambjent ekonomiku li qiegħed jinbidel u għall-progress miksub s’issa. Il-lakuni li fadal li ġew identifikati fl-inizjattiva “Għażiż CEO” tal-2020 se jkomplu jingħataw segwitu bħala parti mir-reviżjonijiet tal-prattiki ta’ tolleranza, ta’ improbabilità li wieħed iħallas (UTP) u ta’ proviżjonament. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, ir-reviżjoni mmirata ffukat fuq l-IFRS 9 u se jiġu rripetuti sovrapożizzjonijiet sabiex jiġi mmonitorjat il-progress tal-banek u r-rimedju tas-sejbiet tal-passat. Barra minn hekk, se jitwettqu reviżjonijiet immirati u, meta rilevanti, OSIs u investigazzjonijiet tal-mudelli interni fuq portafolli aktar sensittivi bħall-proprjetà immobbli (kemm residenzjali kif ukoll kummerċjali) u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Fir-rigward tas-CCR, il-JSTs se jkomplu jimmonitorjaw mill-qrib l-iskoperturi tal-banek u jiskrutinizzaw l-adegwatezza tal-prattiki ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom, filwaqt li jagħtu segwitu mmirat dwar il-progress li sar fir-rimedjar tan-nuqqasijiet identifikati fl-2022.

Attivitajiet ewlenin bħala parti mill-programm ta’ ħidma dwar il-prijoritajiet superviżorji

  • Reviżjonijiet immirati li jiffukaw fuq ir-reżiljenza tal-portafolli li huma aktar sensittivi għas-sitwazzjoni makrofinanzjarja kurrenti u skoperti għar-riskju ta’ rifinanzjament, inkluż segwitu għas-sejbiet minn reviżjonijiet immirati preċedenti dwar is-self għall-RRE u għas-CRE u t-tnedija ta’ reviżjoni mmirata ġdida dwar il-mutwatarji SMEs vulnerabbli.
  • Is-segwitu għar-reviżjoni mmirata tal-IFRS 9, il-monitoraġġ tal-progress dwar il-kapaċità tal-mudelli ta’ telf ta’ kreditu mistenni tal-banek li jaqbdu r-riskji emerġenti, b’enfasi fuq is-sovrapożizzjonijiet.
  • L-estensjoni tal-analiżijiet profondi tal-politiki dwar it-tolleranza u l-UTP.
  • L-estensjoni tal-OSIs, b’enfasi fuq it-tqassim fi stadji kollettiv tal-IFRS 9 u fuq il-proviżjonament għall-SMEs, il-portafolli fil-livell tal-konsumatur u s-CRE, inklużi l-valwazzjonijiet tal-kollateral.
  • L-estensjoni tal-investigazzjonijiet tal-mudelli interni u s-segwitu mill-JSTs sabiex jivvalutaw il-bidliet fil-mudelli interni bbażati fuq il-klassifikazzjonijiet relatati ma’ rekwiżiti regolatorji ġodda u r-rimedjar tas-sejbiet mir-reviżjoni mmirata tal-mudelli interni.
  • Is-segwitu għar-reviżjoni mmirata tal-ġestjoni tas-CCR imwettqa fl-2022.
  • L-OSIs immirati fuq aspetti speċifiċi tal-ġestjoni tas-CCR.

Vulnerabbiltà prijoritizzata: Nuqqasijiet fl-oqfsa għall-ġestjoni tal-attiv u tal-passiv

Objettiv strateġiku: Il-banek għandhom jiżguraw governanza u strateġiji sodi u prudenti tal-ALM, li jirriflettu sorveljanza b’saħħitha mill-korpi maniġerjali tagħhom u l-qbid adegwat tar-riskji li jirriżultaw mill-politika monetarja kurrenti u mill-ambjent ekonomiku li jinbidel malajr. B’mod partikolari, għandhom jiżviluppaw pjanijiet ta’ finanzjament robusti u kredibbli mmirati lejn il-kisba ta’ strutturi ta’ finanzjament diversifikati, kif ukoll pjanijiet ta’ kontinġenza effettivi sabiex ikunu jistgħu jifilħu għal xokkijiet ta’ likwidità fit-terminu qasir. Il-banek għandhom jiżguraw ukoll ġestjoni adegwata tal-pożizzjonijiet tar-riskju tar-rata tal-imgħax tagħhom, filwaqt li jirriflettu suppożizzjonijiet prudenti dwar l-imġiba tal-klijenti, u jiżviluppaw strateġiji ta’ mitigazzjoni korrispondenti proporzjonati mal-profili tar-riskju tagħhom.

L-ambjent tar-rati tal-imgħax li fih qegħdin joperaw il-banek inbidel b’mod fundamentali matul dawn l-aħħar sentejn. Filwaqt li rati tal-imgħax ogħla qegħdin jappoġġaw b’mod ġenerali l-profittabilità tal-istituzzjonijiet taħt superviżjoni, dawn jistgħu jirriżultaw ukoll f’kostijiet ta’ finanzjament ogħla u joħolqu sfidi għas-sitwazzjonijiet ta’ likwidità tal-banek u, b’mod aktar ġenerali, għall-governanza, għall-istrateġiji u għall-oqfsa tal-ALM tagħhom.

Il-volatilità tas-suq finanzjarju u l-korrezzjonijiet tal-prezzijiet fis-swieq tal-introjtu fiss fid-dawl tad-dinamika kurrenti tar-rati tal-imgħax żiedu r-riskju li t-telf mhux realizzat jakkumula fil-portafolli tal-kostijiet amortizzati tal-banek. Għalkemm l-effetti jistgħu jkunu severi, kif evidenzjat mit-taqlib madwar xi banek ta’ daqs medju fl-Istati Uniti f’Marzu, it-taħlita ta’ fatturi li wasslu għal dak l-episodju partikolari s’issa ma ġietx osservata fil-banek taħt is-superviżjoni bankarja Ewropea. Tabilħaqq, kif evidenzjat mid-data[8] ppubblikata f’Lulju 2023, l-ammont kumplessiv ta’ dan it-telf mhux realizzat kien relattivament kontenut, b’EUR 73 biljun minn Frar 2023, meta mqabbel ma’ USD 620 biljun għall-banek fl-Istati Uniti fi tmiem is-sena 2022[9]. Is-superviżuri kienu qed jiskrutinizzaw il-valutazzjoni u l-ġestjoni mill-banek tar-riskji taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax u ta’ firxiet tal-kreditu sa mit-tieni nofs tal-2021, meta tfaċċaw l-ewwel sinjali ta’ pressjoni inflazzjonarja. Fl-2022, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE inkludiet dawk ir-riskji fil-prijoritajiet superviżorji tagħha u wettqet reviżjoni mmirata dedikata sabiex tivvaluta b’mod proattiv l-istat ta’ tħejjija tal-banek għal żidiet potenzjali fir-rati. Is-sejbiet identifikati f’dak iż-żmien indikaw il-ħtieġa li l-banek jirrevedu l-kalibrazzjoni tal-mudelli tal-ALM tagħhom b’mod aktar frekwenti sabiex iwieġbu għal bidliet fl-imġiba tal-klijenti li jirriżultaw mir-reġim il-ġdid tar-rati tal-imgħax u għal dgħufijiet f’xi strateġiji ta’ ħħeġġjar.

Min-naħa tal-likwidità u tal-finanzjament, l-istituzzjonijiet sorveljati, b’mod ġenerali, urew reżiljenza qawwija għall-bidliet fl-ambjent finanzjarju s’issa. Filwaqt li r-riżervi tal-banek ċentrali li qegħdin jiċkienu u d-dinamika monetarja dgħajfa wasslu għal tnaqqis fir-riżervi ta’ likwidità tal-banek, il-proporzjonijiet tal-kopertura tal-likwidità tagħhom u l-proporzjonijiet ta’ finanzjament stabbli nett għadhom, bħala medja, ferm ogħla mill-minimu regolatorju. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet taħt superviżjoni ma humiex qegħdin juru konċentrazzjonijiet ta’ finanzjament simili għal dawk ta’ xi wħud mill-banek ta’ daqs medju tal-Istati Uniti li fallew aktar kmieni din is-sena, billi s-sorsi ewlenin ta’ finanzjament tagħhom jirriżultaw primarjament minn depożiti. Dawn jiġu l-aktar minn klijenti fil-livell tal-konsumaturi, bil-maġġor parti koperta mill-assigurazzjoni tad-depożiti. Sabiex tiġi żgurata l-eliminazzjoni gradwali mingħajr xkiel tal-programmi ta’ operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO) u sabiex jiġi vvalutat l-istat ta’ tħejjija tal-banek għaliha, fl-2023 saret reviżjoni mmirata li ffokat fuq l-istrateġiji ta’ ħruġ mit-TLTRO tal-banek. F’dan il-kuntest, xi banek intalbu jkomplu jiddiversifikaw is-sorsi ta’ finanzjament tagħhom. Reviżjoni mmirata qiegħda tivvaluta wkoll l-affidabbiltà u s-sodezza tal-pjanijiet ta’ finanzjament tal-banek, li r-riżultati tagħhom jikkontribwixxu għall-eżitu tas-SREP tal-2024.

Fil-futur, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tkompli tenfasizza bis-saħħa l-ħtieġa li l-banek ikollhom fis-seħħ arranġamenti tal-ALM robusti. L-attivitajiet immirati se jirrevedu l-governanza u l-istrateġiji tal-ALM tal-banek u jivvalutaw l-adegwatezza tas-suppożizzjonijiet li jirfdu xi wħud mill-mudelli ta’ mġiba tagħhom. Is-superviżuri se jevalwaw ukoll ir-reżiljenza tal-banek għal xokkijiet ta’ likwidità fuq terminu qasir u l-kredibbiltà u s-sodezza tal-pjanijiet ta’ kontinġenza tal-likwidità tagħhom. Fl-aħħar nett, is-superviżuri se jkomplu l-isforzi mibdijin fis-snin preċedenti billi jirrevedu ulterjorment kif il-banek qegħdin jimmaniġġjaw l-IRRBB, kif ukoll is-sodezza u l-affidabbiltà tal-pjanijiet ta’ finanzjament tagħhom.

Attivitajiet ewlenin bħala parti mill-programm ta’ ħidma dwar il-prijoritajiet superviżorji

  • Reviżjonijiet immirati tas-sodezza u tal-affidabbiltà tal-pjanijiet ta’ finanzjament, tal-ippjanar ta’ kontinġenza u tal-adegwatezza tal-kapaċitajiet ta’ ottimizzazzjoni tal-kollateral, kif ukoll tal-governanza u l-istrateġiji tal-ALM.
  • OSIs immirati li jivvalutaw ir-robustezza u l-adegwatezza tal-pjanijiet ta’ finanzjament u ta’ rkupru.
  • Is-segwitu għas-sejbiet mir-reviżjoni mmirata dwar ir-riskji taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax u ta’ firxiet tal-kreditu, filwaqt li din ir-reviżjoni tiġi estiża wkoll għal ambitu usa’ tal-istituzzjonijiet.
  • Kampanja tal-OSI dwar l-IRRBB, li tinvestiga b’mod partikolari l-pożizzjonament u l-istrateġija tal-ALM, il-mudelli ta’ mġiba tal-IRRBB u l-istrateġija tal-iħħeġġjar.

Prijorità 2: L-aċċellerazzjoni tar-rimedjar effettiv tan-nuqqasijiet fil-governanza u fil-ġestjoni tar-riskji relatati mal-klima u ambjentali

Ir-riżultati tas-SREP tal-2023 ikomplu jenfasizzaw il-progress insuffiċjenti miksub minn xi banek fl-indirizzar tan-nuqqasijiet fil-governanza. Dan huwa speċjalment il-każ f’oqsma relatati mal-funzjonament u mat-tmexxija strateġika tal-korpi maniġerjali tal-banek, iżda wkoll mal-kapaċitajiet tagħhom tal-RDAR. Barra minn hekk, l-importanza ta’ governanza b’saħħitha u ta’ kontrolli tar-riskju sodi għal darb’oħra ġiet enfasizzata mill-fallimenti ta’ xi banek tal-Istati Uniti u Żvizzeri aktar kmieni din is-sena. L-istess jgħodd fil-kuntest tar-riskji C&E li qegħdin jikbru b’mod kostanti, li l-impatt negattiv tagħhom diġà qiegħed jinħass globalment. Il-banek se jintalbu jsaħħu l-isforzi tagħhom u jirriflettu b’mod adegwat id-dimensjonijiet tar-riskju rilevanti fl-istrateġiji tan-negozju u fl-oqfsa ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom sabiex jikkonformaw bis-sħiħ mal-aspettattivi superviżorji korrispondenti sa tmiem l-2024. Sabiex tappoġġa dan l-objettiv, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE tinsab lesta li tagħmel użu mill-għodod għad-dispożizzjoni tagħha (inklużi, meta jkunu meħtieġa, supplimentazzjonijiet kapitali, infurzar u sanzjonijiet u reviżjonijiet ta’ valutazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità) sabiex tinċentiva r-rimedjar effettiv mill-banek tan-nuqqasijiet identifikati, speċjalment meta jiġu stabbiliti miżuri ċari u skadenzi konkreti sabiex jintlaħqu l-aspettattivi superviżorji.

Vulnerabbiltà prijoritizzata: Nuqqasijiet fil-funzjonament u fil-kapaċitajiet ta’ tmexxija tal-korpi maniġerjali

Objettiv strateġiku: Il-banek għandhom jindirizzaw b’mod effettiv in-nuqqasijiet materjali fil-funzjonament, fis-sorveljanza u fil-kompożizzjoni tal-korpi maniġerjali tagħhom billi jiżviluppaw u jimplimentaw malajr pjanijiet ta’ azzjoni ta’ rimedju sodi, li jirrispettaw l-aspettattivi superviżorji.

Arranġamenti ta’ governanza interna b’saħħithom u tmexxija strateġika effettiva huma strumentali fl-iżgurar tar-reżiljenza u tas-sostenibbiltà tal-mudelli ta’ negozju tal-banek. Il-prospettiva makrofinanzjarja inċerta kurrenti u l-bidla kontinwa fl-ambjent tar-rati tal-imgħax wara snin ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament akkomodanti jirrikjedu li l-banek japplikaw tmexxija strateġika effettiva u jaġġustaw il-prattiki tagħhom sabiex jivvalutaw, jikkontrollaw u jimmaniġġjaw ir-riskji relatati b’mod adegwat. It-taqlib ta’ Marzu fis-setturi bankarji tal-Istati Uniti u tal-Iżvizzera enfasizza r-rwol kruċjali tal-bordijiet u tal-maniġment tal-banek, li għandhom ir-responsabbiltà aħħarija li jiżguraw arranġamenti ta’ governanza interna adegwati u proċessi effettivi ta’ ġestjoni tar-riskju. Enfasizza wkoll il-konsegwenzi potenzjalment gravi għal bank jekk dawn ikunu neqsin. Hija meħtieġa wkoll tmexxija strateġika effettiva sabiex il-mudelli ta’ negozju tal-banek jiġu adattati għax-xejriet li jevolvu, bħad-diġitalizzazzjoni u tranżizzjoni ekoloġika aċċellerata.

L-indirizzar tan-nuqqasijiet fil-korpi maniġerjali kien waħda mill-prijoritajiet ewlenin tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE għal diversi snin, u filwaqt li kien hemm titjib f’xi oqsma, jeħtieġ li jsir aktar progress f’termini tal-kompożizzjoni, tal-adegwatezza kollettiva u tar-rwol ta’ sorveljanza tal-bordijiet tal-banek. Wara l-involviment superviżorju dirett fl-2022, il-banek għamlu titjib fil-politiki tagħhom dwar id-diversità, li issa jinkludu l-kriterji tal-edukazzjoni, tal-esperjenza, tal-provenjenza ġeografika, u tal-età, minbarra l-ġeneru. Bħalissa, kważi l-istituzzjonijiet taħt superviżjoni kollha għandhom miri sabiex jindirizzaw l-iżbilanċi bejn il-ġeneri fil-korpi maniġerjali tagħhom. Madankollu, il-progress fl-ilħuq ta’ dawk il-miri għadu insuffiċjenti.[10] Il-banek jeħtieġ ukoll li jkomplu jtejbu l-adegwatezza kollettiva tal-bordijiet tagħhom, kif ukoll il-kapaċità ta’ kontestazzjoni tagħhom. Din tal-aħħar hija relatata ma’ dgħufijiet fil-kompożizzjoni (eż. numru insuffiċjenti ta’ diretturi indipendenti formali u nuqqas ta’ għarfien f’oqsma speċifiċi bħall-IT) u fil-funzjonament tal-bordijiet (eż. ħin insuffiċjenti allokat għad-dibattitu u għat-tħassib fil-proċessi ta’ nomina tal-korpi maniġerjali). Ir-rwol ta’ sorveljanza tal-kumitati tal-bord jeħtieġ ukoll titjib ulterjuri, kif żvelat fir-reviżjoni mmirata tal-korpi maniġerjali tal-2023.[11]

Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tkompli bl-involviment tagħha tal-banek għall-indirizzar ta’ dawn in-nuqqasijiet li ilhom jeżistu permezz ta’ reviżjonijiet immirati u OSIs. Barra minn hekk, is-superviżuri se jaġġornaw u jippubblikaw l-aspettattivi superviżorji dwar il-governanza u l-ġestjoni tar-riskju.

Attivitajiet ewlenin bħala parti mill-programm ta’ ħidma dwar il-prijoritajiet superviżorji

  • Reviżjoni mmirata tal-effettività tal-korpi maniġerjali tal-banek u OSIs immirati.
  • L-aġġornament u l-pubblikazzjoni esterna tal-aspettattivi superviżorji u tal-aħjar prattiki rigward il-governanza u l-kultura tar-riskju tal-banek.[12]

Vulnerabbiltà prijoritizzata: Nuqqasijiet fl-aggregazzjoni u fir-rappurtar tad-data dwar ir-riskju

Objettiv strateġiku: Il-banek għandhom jindirizzaw b’mod effettiv in-nuqqasijiet li ilhom jeżistu u jkollhom oqfsa adegwati u effettivi tal-RDAR fis-seħħ sabiex jappoġġaw it-tmexxija effiċjenti mill-korpi maniġerjali u sabiex jindirizzaw l-aspettattivi superviżorji, inkluż fi żminijiet ta’ kriżi.

L-aggregazzjoni u r-rappurtar f’waqthom u preċiżi tad-data relatata mar-riskji huma essenzjali għal teħid sod ta’ deċiżjonijiet u għal tmexxija strateġika effettiva mill-banek, speċjalment fl-ambjent kurrenti, kif ukoll għall-fini tar-rappurtar dwar ir-riskji, tar-rappurtar finanzjarju u tar-rappurtar superviżorju. L-eżiti tal-eżerċizzji superviżorji mwettqin sal-lum – inkluż l-eżerċizzju tas-SREP tal-2023 u l-kampanja tal-OSIs li għaddejja bħalissa – ilkoll jindikaw progress insuffiċjenti fit-tneħħija tad-diskrepanzi fir-rigward tal-aspettattivi superviżorji u tal-konformità mal-prinċipji għall-aggregazzjoni effettiva tad-data dwar ir-riskji u r-rappurtar tar-riskji tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja. In-nuqqasijiet ewlenin huma relatati ma’ attenzjoni u ma’ sorveljanza insuffiċjenti tal-korpi maniġerjali, ma’ dgħufijiet fl-arkitettura tad-data u ma’ kuntesti tal-IT frammentati u mhux armonizzati, ma’ kapaċità batuta ta’ aggregazzjoni u ma’ oqfsa ta’ governanza ineffettivi. Il-prijoritizzazzjoni b’saħħitha mill-korpi maniġerjali hija kruċjali, billi l-indirizzar tan-nuqqasijiet relatati mal-RDAR spiss jirrikjedi riżorsi sinifikanti.

Kif diġà ġie kkomunikat fil-prijoritajiet superviżorji tas-sena li għaddiet, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE qiegħda ssaħħaħ l-isforzi tagħha sabiex tiżgura li l-istituzzjonijiet taħt superviżjoni jagħmlu progress sostanzjali fir-rimedjar tan-nuqqasijiet li ilhom jeżistu u li ġew identifikati fl-RDAR. Mekkaniżmu strutturat ta’ eskalazzjoni, li possibbilment jinkludi l-infurzar u sanzjonijiet, se jiġi applikat dejjem aktar mill-2024 ’il quddiem.[13] Il-Guide on effective risk data aggregation and risk reporting tkompli ssaħħaħ u tispeċifika l-aspettattivi superviżorji. Saret konsultazzjoni pubblika[14] dwar il-Gwida bejn Lulju u Ottubru 2023, u l-Gwida hija ppjanata li se tiġi ppubblikata fl-2024. Is-superviżuri se jwettqu wkoll reviżjonijiet immirati u OSIs u se jinvolvu lill-banek meta jiġu identifikati nuqqasijiet persistenti. Barra minn hekk, ir-Rapport Maniġerjali dwar il-Governanza tad-Data u l-Kwalità tad-Data[15], li ħareġ bħala rapport pilota fil-bidu tal-2023, se jitkompla bħala kwestjonarju annwali mqassam lill-banek. Għandu l-għan li jiżgura akkontabilità adegwata tal-korpi maniġerjali tal-banek fi kwistjonijiet relatati mar-rappurtar intern, finanzjarju u superviżorju.

Attivitajiet ewlenin bħala parti mill-programm ta’ ħidma dwar il-prijoritajiet superviżorji

  • L-irfinar tal-aspettattivi superviżorji relatati mal-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-RDAR u mal-pubblikazzjoni tal-Gwida dwar l-aggregazzjoni effettiva tad-data dwar ir-riskji u r-rappurtar tar-riskji.
  • Reviżjonijiet immirati tal-prattiki tal-RDAR.
  • Kampanja tal-OSIs dwar l-RDAR (estensjoni mill-2023).
  • Il-produzzjoni tar-Rapport Maniġerjali dwar il-Governanza tad-Data u l-Kwalità tad-Data – kwestjonarju annwali sabiex tiġi żgurata l-akkontabilità adegwata tal-korpi maniġerjali tal-banek fi kwistjonijiet relatati mar-rappurtar intern, finanzjarju u superviżorju.

Vulnerabbiltà prijoritizzata: Skoperturi materjali għall-motivaturi tar-riskju fiżiku u ta’ tranżizzjoni tat-tibdil fil-klima

Objettiv strateġiku: Il-banek għandhom jinkorporaw b’mod adegwat ir-riskji C&E fl-istrateġija tan-negozju tagħhom u fl-oqfsa ta’ governanza u ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom sabiex jimmitigaw u jiddivulgaw riskji bħal dawn, filwaqt li jallinjaw il-prattiki tagħhom mar-rekwiżiti regolatorji kurrenti u mal-aspettattivi superviżorji.

L-emissjonijiet globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra komplew jiżdiedu[16], u dawn se jwasslu għal aktar tisħin globali fil-ġejjieni li, min-naħa tiegħu, iwassal għall-intensifikazzjoni ta’ perikli multipli u konkorrenti, kif muri ripetutament mill-mewġiet tas-sħana li kisru r-rekords u n-nirien fil-foresti u l-għargħar fl-Ewropa u f’reġjuni oħrajn madwar id-dinja. Il-politiki fis-seħħ ma laħqux il-miri tat-tisħin globali stabbiliti skont il-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015.[17] Id-dewmien fl-azzjoni klimatika huwa mistenni jkompli jżid ir-riskji fiżiċi u ta’ tranżizzjoni u, potenzjalment, it-telf relatat għall-banek, filwaqt li jżid ir-riskju ta’ danni akbar, ta’ infrastrutturi b’emissjonijiet għoljin impenjati, ta’ assi mhux rekuperabbli u ta’ eskalazzjoni tal-kostijiet.[18] It-tensjonijiet ġeopolitiċi, kif ukoll l-investimenti bil-quddiem dejjem ogħla u l-bidliet fixkiela meħtieġa għall-mitigazzjoni u għall-adattament, x’aktarx li jkomplu jaggravaw ir-riskji ta’ tranżizzjoni tal-fjuwil fost kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti.

Filwaqt li għal xi banek, is-SREP tal-2023 żvela xi titjib fid-definizzjoni tal-istrateġija tagħhom fir-rigward tar-riskji C&E, għal oħrajn wera wkoll il-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet. Il-miżuri kwalitattivi tas-SREP iffukaw prinċipalment fuq id-dgħufijiet tal-banek fl-ippjanar strateġiku u operazzjonali u fl-għarfien tal-korpi maniġerjali dwar suġġetti ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG). Ir-riskji C&E affettwaw il-livelli ta’ rekwiżiti tal-Pilastru 2 għal numru dejjem akbar ta’ banek meta mqabblin mal-eżerċizzju tas-SREP tas-sena li għaddiet.[19]

Sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv in-nuqqasijiet enfasizzati mit-test tal-istress tar-riskju klimatiku[20] u mir-reviżjoni tematika[21] tal-2022 tal-BĊE, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE stabbiliet skadenzi speċifiċi għall-istituzzjonijiet għall-banek sabiex jallinjaw bis-sħiħ il-prattiki tagħhom mal-aspettattivi superviżorji stabbiliti fil-Gwida tal-2020 tal-BĊE dwar ir-riskji relatati mal-klima u ambjentali sa tmiem l-2024. Marzu 2023 huwa mfakkar minn wieħed mill-objettivi intermedji f’dan il-proċess, billi dan kien ix-xahar sa liema l-banek kienu mistennijin jikkategorizzaw b’mod adegwat ir-riskji C&E u jwettqu valutazzjoni sħiħa tal-impatt relatat fuq l-attivitajiet tagħhom. Xi banek xorta wrew dgħufijiet serji f’dan ir-rigward, u s-supervisuri ħadmu magħhom permezz ta’ atti operazzjonali, rekwiżiti kwalitattivi tas-SREP u deċiżjonijiet ad hoc tal-Bord Superviżorju. Sa tmiem l-2023, il-banek huma mistennijin jinkorporaw ir-riskji C&E fil-governanza, fl-istrateġija u fil-ġestjoni tar-riskju tagħhom, u fl-aħħar nett, sa tmiem l-2024, jissodisfaw l-aspettattivi superviżorji kollha li fadal li ġew deskritti fl-2020, inkluża l-integrazzjoni sħiħa fil-Proċess ta’ Valutazzjoni Interna dwar l-Adegwatezza tal-Kapital (ICAAP) u l-ittestjar tal-istress. Fil-futur, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tkompli tuża s-sett ta’ għodod sħiħ tagħha sabiex tiżgura li l-banek jikkonformaw ma’ dawn l-aspettattivi inkluża, meta tkun meħtieġa, l-eskalazzjoni superviżorja, bħal pagamenti perjodiċi ta’ penali jew supplimentazzjonijiet kapitali speċifiċi għall-banek.[22]

Barra minn hekk, is-superviżuri se jkomplu jirrevedu u jivvalutaw l-adegwatezza tal-prattiki ta’ divulgazzjoni tal-banek. Filwaqt li l-banek għamlu xi progress f’dan il-qasam, kif żvelat mill-eżitu tat-tielet valutazzjoni tal-progress li għamlu l-banek Ewropej fid-divulgazzjoni tar-riskji klimatiċi u ambjentali, il-kwalità tal-informazzjoni ddivulgata għadha baxxa. Oqsma oħrajn ta’ fokus fis-snin li ġejjin se jinkludu l-indirizzar tar-riskji ta’ reputazzjoni u ta’ litigazzjoni relatati mas-C&E li jirriżultaw mill-pubblikazzjoni ta’ objettivi ta’ tranżizzjoni u/jew ta’ impenji dwar in-newtralità karbonika. Is-superviżuri se jkomplu wkoll bil-ħidma preparatorja tagħhom sabiex jiżviluppaw qafas għar-reviżjoni tal-ippjanar tat-tranżizzjoni tal-banek u l-istat ta’ tħejjija sabiex jissodisfaw il-mandati relatati mal-ESG fid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRD VI). Fl-aħħar nett, ir-riskji relatati mal-klima se jkomplu jiġu vvalutati f’ċerti OSIs speċifiċi għar-riskju, filwaqt li l-missjonijiet dwar ir-riskju C&E awtonomi mmirati huma ppjanati sabiex jibdew fl-2024.

Attivitajiet ewlenin bħala parti mill-programm ta’ ħidma dwar il-prijoritajiet superviżorji

  • Segwitu mmirat dwar in-nuqqasijiet identifikati fil-kuntest tat-test tal-istress tar-riskju klimatiku u tar-reviżjoni tematika tal-2022, bl-għan li jinkiseb allinjament sħiħ mal-aspettattivi superviżorji relatati sa tmiem l-2024.
  • Reviżjoni tal-konformità tal-banek mal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni dwar ir-rappurtar u mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-Pilastru 3 relatati mar-riskji C&E u l-allinjament bejniethom, flimkien ma’ valutazzjoni komparattiva tal-prattiki tal-banek mal-aspettattivi superviżorji.
  • Analiżijiet profondi tal-kapaċitajiet tal-banek sabiex jindirizzaw ir-riskju ta’ reputazzjoni u ta’ litigazzjoni assoċjat mal-impenji relatati mas-C&E.
  • OSIs immirati dwar aspetti relatati mal-klima, fuq bażi awtonoma jew inkella f’reviżjonijiet ippjanati ta’ riskji individwali (eż. ta’ kreditu, operazzjonali u tal-mudell ta’ negozju).

Prijorità 3: Progress ulterjuri fit-trasformazzjoni diġitali u l-bini ta’ oqfsa robusti ta’ reżiljenza operazzjonali

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet taħt superviżjoni qegħdin jagħmlu progress fid-diġitalizzazzjoni tal-operazzjonijiet u tas-servizzi tagħhom sabiex ilaħħqu ma’ sfidi kompetittivi dejjem akbar, jeħtieġ ukoll li jsaħħu u, meta jkun meħtieġ, jaġġustaw l-oqfsa ta’ reżiljenza operazzjonali tagħhom sabiex jimmitigaw ir-riskji potenzjali. Il-kisba tar-reżiljenza operazzjonali għandha tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tal-mudelli ta’ negozju tal-banek fit-terminu medju u tippermettilhom, fost affarijiet oħrajn, jisfruttaw il-benefiċċji ta’ teknoloġiji innovattivi. Madankollu, xi banek qegħdin jaqgħu lura fl-ilħuq tal-għanijiet tagħhom f’dan il-qasam. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet taħt superviżjoni jeħtieġ li jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet li jirriżultaw mid-dipendenza operazzjonali dejjem akbar tagħhom fuq fornituri terzi u jtejbu s-sigurtà tal-IT/il-ġestjoni tar-riskju ċibernetiku tagħhom. Dan huwa partikolarment importanti fid-dawl tat-theddid ċibernetiku li qiegħed jikber u li jirriżulta mill-ambjent ġeopolitiku kurrenti.

Vulnerabbiltà prijoritizzata: Nuqqasijiet fl-istrateġiji ta’ trasformazzjoni diġitali

Objettiv strateġiku: Il-banek għandhom jiżviluppaw u jeżegwixxu pjanijiet ta’ trasformazzjoni diġitali sodi permezz ta’ arranġamenti adegwati (eż. strateġija tan-negozju u ġestjoni tar-riskju) sabiex isaħħu s-sostenibbiltà tal-mudell ta’ negozju tagħhom u jimmitigaw ir-riskji relatati mal-użu ta’ teknoloġiji innovattivi.

Dan l-aħħar, l-istituzzjonijiet taħt superviżjoni rrappurtaw l-ogħla profittabilità li qatt kisbu, xprunata l-aktar minn marġnijiet ta’ mgħax netti ogħla. Madankollu, għad hemm dgħufijiet strutturali persistenti fil-mudelli ta’ negozju tagħhom. Il-proporzjonijiet tal-kostijiet għall-introjtu tal-banek għadhom persistentement għoljin u statiċi, u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ trażżin tal-kostijiet tista’ tkun ta’ sfida minħabba l-pressjonijiet inflazzjonarji għoljin kurrenti. F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet taħt superviżjoni għandhom ikunu jistgħu jimmaniġġjaw iż-żieda prevista fl-ispejjeż operatorji mingħajr ma jipperikolaw l-investiment tant meħtieġ fit-trasformazzjoni diġitali. Id-diġitalizzazzjoni hija mistennija ssaħħaħ il-pożizzjonijiet kompetittivi tal-banek u tagħmilhom aktar reżiljenti għall-kompetizzjoni li tirriżulta minn barra s-settur bankarju.

Fl-2023, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE wettqet valutazzjoni orizzontali u analiżi ta’ valutazzjoni komparattiva bbażata fuq il-ġbir ta’ data madwar l-MSU dwar it-trasformazzjoni diġitali u l-użu tat-teknoloġija finanzjarja (fintech). L-eżitu ta’ din l-analiżi ġie kondiviż mal-banek u għen sabiex jiġu kkwalifikati diversi riskji relatati mat-trasformazzjoni diġitali, inklużi r-riskji strateġiċi u ta’ eżekuzzjoni, ir-riskju ċibernetiku, ir-riskju ta’ dipendenza fuq partijiet terzi u r-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ frodi. OSIs immirati, li kkomplementaw il-valutazzjoni orizzontali, qajmu tħassib dwar it-tmexxija u l-eżekuzzjoni strateġiċi effettivi, u ssottilinjaw ukoll l-importanza tat-titjib tal-ħiliet tal-persunal u tal-korpi maniġerjali. Ġew żvelati wkoll nuqqasijiet fl-ibbaġitjar u fl-ippjanar finanzjarju, hekk kif il-banek ibatu sabiex jimmonitorjaw l-impatt finanzjarju tal-inizjattivi ta’ trasformazzjoni diġitali tagħhom. L-eżitu ta’ dawn l-attivitajiet informa l-valutazzjoni superviżorja tal-mudelli ta’ negozju tal-banek matul iċ-ċiklu tas-SREP tal-2023. Fil-futur, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tkompli tiffoka fuq it-trasformazzjoni diġitali, billi tgħaqqad ir-reviżjonijiet immirati ma’ OSIs dedikati. Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tippubblika l-aspettattivi superviżorji tagħha dwar it-trasformazzjoni diġitali tal-banek.[23] L-aspettattivi riveduti se jgħinu sabiex tissaħħaħ il-metodoloġija tal-valutazzjoni superviżorja.

Attivitajiet ewlenin bħala parti mill-programm ta’ ħidma dwar il-prijoritajiet superviżorji

  • Reviżjonijiet immirati li jiffukaw fuq l-impatt tat-trasformazzjoni diġitali tal-banek fuq il-mudell/l-istrateġija ta’ negozju tagħhom, fuq il-governanza u fuq l-identifikazzjoni/il-ġestjoni tar-riskju, ikkomplementati mis-segwitu mill-JSTs mal-banek meta jiġu identifikati nuqqasijiet materjali.
  • OSIs immirati dwar it-trasformazzjoni diġitali, li jikkombinaw id-dimensjoni tal-mudell ta’ negozju mal-aspett tal-IT tal-istrateġiji ta’ trasformazzjoni diġitali tal-banek.
  • Il-pubblikazzjoni tal-aspettattivi superviżorji u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar l-istrateġiji ta’ trasformazzjoni diġitali.

Vulnerabbiltà prijoritizzata: Nuqqasijiet fl-oqfsa ta’ reżiljenza operazzjonali, jiġifieri l-esternalizzazzjoni tal-IT u r-riskji għas-sigurtà tal-IT/ċibernetiċi

Objettiv strateġiku: Il-banek għandu jkollhom arranġamenti robusti dwar ir-riskju ta’ esternalizzazzjoni u oqfsa ta’ sigurtà tal-IT u ta’ reżiljenza ċibernetika sabiex jindirizzaw b’mod proattiv kwalunkwe riskju mhux mitigat li jista’ jwassal għal tfixkil materjali ta’ attivitajiet/servizzi kritiċi, filwaqt li jiżguraw l-aderenza mar-rekwiżiti regolatorji rilevanti u mal-aspettattivi superviżorji.

Ir-riskju ċibernetiku u s-sigurtà tad-data jibqgħu motivaturi ewlenin tar-riskju operazzjonali tal-banek. In-numru ta’ inċidenti ċibernetiċi li l-istituzzjonijiet taħt superviżjoni rrappurtaw lis-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE żdiedu ferm fl-ewwel nofs tal-2023, u dan jirrifletti l-esponiment sinifikanti tas-settur bankarju għal theddid ċibernetiku li qiegħed jevolvi, li kien dovut, fost affarijiet oħra, għall-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna u għaż-żieda fit-tensjonijiet ġeopolitiċi. L-attakki distruttivi saru komponent prominenti tal-operazzjonijiet tal-atturi statali, bl-istituzzjonijiet finanzjarji li huma wkoll mira probabbli minħabba r-rwol tagħhom fl-infrastruttura kritika.[24] L-attakki ta’ ransomware b’mod partikolari qegħdin jiżdiedu, biċ-ċiberkriminali li qegħdin isiru aktar sofistikati u bil-banek li qegħdin jiġu affettwati dejjem aktar minn tekniki ta’ estorsjoni li qegħdin jevolvu.

Dgħufijiet fl-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni tal-IT jippreżentaw vulnerabbiltà importanti oħra fid-dawl tad-dipendenza dejjem akbar tal-banek fuq partijiet terzi bħala fornituri ta’ servizzi. It-titwil u ż-żieda fil-kumplessità tal-ktajjen tal-provvista jeħtieġu li l-banek jiksbu fehim u kontroll aħjar tar-relazzjonijiet mal-fornituri u tal-interdipendenzi tagħhom sabiex jindirizzaw b’mod proattiv ir-riskji potenzjali ta’ konċentrazzjoni. Għalhekk, il-ġestjoni soda tal-assi u tal-bejjiegħa hija essenzjali sabiex il-banek ikunu jistgħu jissodisfaw id-domandi tal-klijenti u jżidu l-effiċjenza tagħhom f’xenarju dejjem aktar kompetittiv, filwaqt li jiżguraw ġestjoni xierqa tar-riskju tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni tagħhom u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-cloud. L-eżitu tal-valutazzjoni tas-SREP tal-2023 ikkonferma wkoll il-prominenza tan-nuqqasijiet tal-banek relatati mar-riskji tal-ġestjoni tal-esternalizzazzjoni tal-IT u tas-sigurtà tal-IT/taċ-ċibersigurtà, billi r-riskju operazzjonali għadu l-element bl-agħar punteġġi fis-SREP.[25]

F’dan il-kuntest, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE stabbiliet ġabra annwali ta’ reġistri tal-esternalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet taħt superviżjoni. L-analiżijiet li saru s’issa identifikaw diversi vulnerabbiltajiet, inkluża dipendenza għolja fuq xi fornituri esterni mhux Ewropej u numru sinifikanti ta’ kuntratti ta’ esternalizzazzjoni. Il-ġestjoni xierqa tar-riskju ta’ partijiet terzi, inkluża l-esternalizzazzjoni fil-cloud, għadha fuq quddiem fl-aġenda superviżorja u se tiġi vvalutata ulterjorment bħala parti mill-attivitajiet kontinwi.

Minbarra l-valutazzjoni orizzontali tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni tal-banek u l-analiżi tar-riskju ta’ konċentrazzjoni, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tkompli twettaq reviżjonijiet immirati tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni u tar-reżiljenza ċibernetika, sabiex tikseb għarfien aħjar dwar in-natura u d-daqs tar-riskji kif ukoll dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni relatati tal-banek. Ir-reviżjonijiet immirati se jiġu kkomplementati wkoll mill-OSIs sabiex jiġu identifikati u vvalutati n-nuqqasijiet fuq bażi ta’ bank b’bank. Minħabba ż-żieda fl-attakki ċibernetiċi u l-importanza tas-suġġett fl-ambjent ġeopolitiku kurrenti, is-sena d-dieħla s-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se twettaq ukoll test tal-istress tematiku dwar ir-reżiljenza ċibernetika, sabiex tivvaluta l-kapaċità tal-banek li jirrispondu attakk ċibernetiku li jirnexxi u jirkupraw minnu.[26]

Attivitajiet ewlenin bħala parti mill-programm ta’ ħidma dwar il-prijoritajiet superviżorji

  • Il-ġbir tad-data u l-analiżi orizzontali tar-reġistri tal-esternalizzazzjoni sabiex jiġu identifikati l-interkonnessjonijiet fost l-istituzzjonijiet taħt superviżjoni u l-fornituri terzi u l-konċentrazzjonijiet ta’ riskju potenzjali f’ċerti fornituri.
  • Reviżjonijiet immirati tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni u tar-reżiljenza ċibernetika.
  • OSIs immirati tal-esternalizzazzjoni u tal-ġestjoni taċ-ċibersigurtà.
  • Test tal-istress tar-reżiljenza ċibernetika fis-sistema kollha fl-2024 li jiffoka fuq ir-rispons u fuq il-kapaċitajiet ta’ rkupru tal-banek wara inċident taċ-ċibersigurtà, u fuq il-kapaċità tagħhom li jikkontjenu l-impatt u jirrestawraw is-servizzi fil-ħin.

Il-Bank Ċentrali Ewropew, 2023

Indirizz postali 60640 Frankfurt am Main, Germany
Telefon +49 69 1344 0
Sit web www.bankingsupervision.europa.eu

Id-drittijiet kollha riżervati. Ir-riproduzzjoni għal għanijiet edukattivi u mhux kummerċjali hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Għat-terminoloġija speċifka, jekk jogħġbok irreferi għall-glossarju MSU (disponibbli bl-Ingliż biss).

HTML ISBN 978-92-899-6285-8, ISSN 2599-8617, doi:10.2866/558258 QB-BZ-24-001-MT-Q


  1. Ara “Riżultati aggregati tas-SREP tal-2023”,

  2. Stress test shows euro area banking sector could withstand severe economic downturn”, stqarrija għall-istampa, BĊE, it-28 ta’ Lulju 2023.

  3. Il-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-Eurosistema għaż-żona tal-euro, Diċembru 2023.

  4. The last mile”, id-diskors ewlieni minn Isabel Schnabel fil-Homer Jones Memorial Lecture annwali, it-2 ta’ Novembru 2023.

  5. Il-Bulletin Ekonomiku, Ħarġa 7, Novembru 2023; L-Istħarriġ tal-BĊE dwar is-Self mill-Banek, Ottubru 2023.

  6. Il-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-Eurosistema għaż-żona tal-euro, Diċembru 2023.

  7. Ara “Riżultati aggregati tas-SREP tal-2023”, BĊE, Diċembru 2023.

  8. Unrealised losses in banks’ bond portfolios measured at amortised cost”, Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, it-28 ta’ Lulju 2023.

  9. Ara Remarks by FDIC Chairman Martin Gruenberg at the Institute of International Bankers, is-6 ta’ Marzu 2023.

  10. Ara “Diversity at the top makes banks better”, The Supervision Blog, Frank Elderson u Elizabeth McCaul, id-9 ta’ Mejju 2023.

  11. Ara wkoll “Effective management bodies – the bedrock of well-run banks”, The Supervision Blog, Frank Elderson, l-20 ta’ Lulju 2023.

  12. Ara “Stqarrija superviżorja tal-MSU fuq il-governanza u l-aptit għar-riskju”, il-BĊE, Ġunju 2016.

  13. Ara “Riżultati aggregati tas-SREP tal-2023”, BĊE, Diċembru 2023.

  14. Ara s-sit web tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE.

  15. Ir-Rapport Maniġerjali dwar il-Governanza tad-Data u l-Kwalità tad-Data jikkonsolida u jikkomplementa l-kejl tal-kwalità tad-data fi ħdan il-kuntest tar-rappurtar superviżorju. Meta jlestu dan ir-rapport, l-istituzzjonijiet huma mitlubin iwieġbu għal sett ta’ mistoqsijiet miftuħin, b’tal-anqas membru wieħed tal-korp maniġerjali li jiffirma t-tweġibiet sabiex tkompli titrawwem l-akkontabilità tal-korp maniġerjali.

  16. Ara Climate Change 2023 Synthesis Report, Il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, 2023.

  17. Kif ġie enfasizzat fit-28 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP28).

  18. Ara Climate Change 2023 Synthesis Report, Il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, 2023.

  19. Ara “Riżultati aggregati tas-SREP tal-2023”, BĊE, Diċembru 2023.

  20. 2022 climate risk stress test”, Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, Lulju 2022.

  21. ibid.

  22. Ara d-diskorsi minn Frank Elderson: “Making finance fit for Paris: achieving “negative splits”, Novembru 2023, u ““Powers, ability and willingness to act – the mainstay of effective banking supervision, Diċembru 2023.

  23. Ara “Riżultati aggregati tas-SREP tal-2023”, BĊE, Diċembru 2023.

  24. Ara “ENISA Threat Landscape 2022”, L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà, Ottubru 2022.

  25. Ara “Riżultati aggregati tas-SREP tal-2023”, BĊE, Diċembru 2023.

  26. Aral-Intervista ma’ Andrea Enria, il-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE, imwettqa minn Naglis Navakas, id-9 ta’ Marzu 2023.

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)