Litwanja: Importanti standards superviżorji għoljin
29/12/2014
Meta tadotta l-euro fl-1 ta’ Jannar 2015, il-Litwanja tissieħeb fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u Ingrida Šimonytė, id-Deputat President ta’ Lietuvos bankas, issir Membru tal-Bord Superviżorju. F’intervista fl-internet, hija titkellem dwar il-karatteristiċi ewlenin tas-settur bankarju tal-Litwanja u l-isfidi għas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE.
Xi jfisser għal-Litwanja li ssir membru sħiħ taż-żona tal-euro u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU)? Kif tħossok issa li se tkun membru tal-Bord Superviżorju?
Is-sħubija sħiħa mill-aktar fis fiż-żona tal-euro minn dejjem tqieset waħda mill-aktar fażijiet importanti tal-integrazzjoni tagħna fl-Ewropa, minħabba li ilna mill-1994 inħaddmu l-arranġamenti tal-bord tal-munita u l-litas ilu ffissat mal-euro minn Frar 2002.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-għan ta’ sħubija fil-pront fiż-żona tal-euro hija strateġija naturali, l-aktar billi pajjiżna għamel sforzi kbar biex isostni l-iffissar tal-munita tagħna mal-euro matul il-kriżi tal-2008 u l-2009. Is-sħubija fiż-żona tal-euro tfisser l-eliminazzjoni totali tar-riskju tal-kambju u l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, kif ukoll settur bankarju ħafna aktar b’saħħtu.
Għandna x-xorti li qegħdin nissieħbu fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-Bord Superviżorju kważi mill-ewwel, għax hekk se jkun eħfef għalina li nadattaw u nirregolaw ruħna milli kieku kien mod ieħor. Qiegħda nistenna bil-ħerqa li naħdem ma’ sħabi l-membri l-oħra sabiex flimkien inwettqu l-kompiti li għalihom inħoloq il-MSU.
L-evalwazzjoni komprensiva antiċipat is-superviżjoni diretta min-naħa tal-BĊE tal-akbar tliet banek Litwani. Kif ħejjew ruħhom il-banek għall-bidla tal-flus? X’kien sehmek f’dan il-proċess?
Tnejn mill-banek il-kbar għandhom ħuthom fl-Estonja u fil-Latvja, u għalhekk dan kien eżerċizzju orizzontali għalihom u għall-grupp SEB u Swedbank, minkejja l-fatt li bħala grupp ma jidħlux taħt il-kappa tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. It-tielet bank – DNB – ipparteċipa wkoll fl-eżerċizzju fl-Estonja. Kien hemm lok għal sinerġiji f’ħafna aspetti. Il-banek marru tajjeb u l-korrezzjonijiet kienu żgħar, anki fis-sitwazzjoni mistħajla ta’ stress. F’kull każ, il-kapital żamm sew ’il fuq mill-minimu. Dan minħabba l-fatt li l-banek ħadu attitudni prudenti ħafna wara li faqqgħet il-kriżi globali billi rrikonoxxew telf potenzjali f’ipotesijiet konservattivi għall-aħħar, tant li ma kienx hemm tassew ħtieġa għal aġġustamenti din id-darba. M’għandix dubju li se nissieħbu fil-MSU minn bażi tassew sostenibbli.
Lietuvos bankas kellu sehem kbir ħafna fil-proċess billi kellna anqas żmien minn pajjiżi oħra għall-eżerċizzju, minħabba li bdejna warajhom. Għalhekk, ma konniex involuti biss fil-koordinament u s-sorveljanza. Għamilna wkoll xi partijiet tal-analiżi tal-kwalità tal-assi (AQR) sabiex inlaħħqu u jkollna eżerċizzju tal-benefiċċji mqabblin man-nefqa, billi kienet iebsa għall-awdituri u l-konsulenti lokali li jipprovdu biżżejjed persunal fi żmien daqshekk qasir.
X’inhuma l-karatteristiċi ewlenin tas-settur bankarju tal-Litwanja u x’impatt se tħalli s-superviżjoni tal-BĊE?
Kif diġà semmejt, il-mudell tas-sistema bankarja huwa l-istess bħal dak tal-pajjiżi Baltiċi l-oħra, u anki l-ismijiet tal-banek il-kbar huma bejn wieħed u ieħor l-istess. Is-sistema bankarja hija ddominata mis-sussidjarji tal-banek Nordiċi, u tliet banek kbar għandhom sehem ta’ madwar 70% mis-suq. Hemm xi ftit banek żgħar li mhumiex se jidħlu fid-definizzjoni ta’ istituzzjonijiet sistemikament importanti, kif ukoll xi fergħat.
Is-sistema bankarja baqgħet b’saħħitha matul il-kriżi billi fil-biċċa l-kbira tal-każijiet it-telf ġie rikonoxxut minnufih u l-kapital issaħħaħ. Madankollu, xi banek żgħar kellhom jagħlqu fil-perjodu bejn l-2011 u l-2013 minħabba tmexxija ħażina, għalkemm ma kienx hemm riperkussjonijiet sistemiċi u s-sistema bankarja ġenerali kompliet tissaħħaħ u ssir aktar prudenti.
Il-proporzjonijiet prudenzjali tal-banek li joperaw fil-Litwanja għadhom jaqbżu b’mod sinifikanti l-ammonti minimi mitluba. Hekk, fl-1 ta’ Ottubru 2014, il-proporzjon tal-adegwatezza tal-kapital tas-sistema bankarja kien ta’ 20.7%.
It-tliet banek sinifikanti tal-Litwanja huma kollha sussidjarji ta’ gruppi bankarji barranin li għandhom l-uffiċċji ewlenin tagħhom f’pajjiżi mhux parteċipanti. Kif se taħdem il-kooperazzjoni mas-superviżuri domiċiljari ta’ dawn il-banek fil-MSU?
Il-kooperazzjoni bejn Lietuvos bankas u s-superviżuri konsolidanti tal-akbar tliet banek, li jinsabu fl-Isvezja u fin-Norveġja, ilha stabbilita żmien twil u hija eżempju tajjeb ta’ superviżjoni transkonfinali. Il-kulleġġi superviżorji żguraw li jkun hemm djalogu effiċjenti u organizzat tajjeb bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, u żgur li qegħdin jaqdu l-iskop tagħhom.
Permezz tal-MSU, il-BĊE se jsir membru sħiħ ta’ dawn il-kulleġġi u se jkompli jagħti l-kontribut tiegħu għal din l-esperjenza produttiva. Superviżuri nazzjonali mill-pajjiżi parteċipanti, fosthom Lietuvos bankas, se jibqgħu fil-kulleġġi superviżorji bħala osservaturi u se jappoġġaw bis-sħiħ lill-BĊE biex jinvolvi ruħu b’mod attiv fil-ħidma kolleġġjali. L-aħħar laqgħat kolleġġjali li attenda l-BĊE diġà wrew li l-kooperazzjoni produttiva se tkompli miexja fuq l-istess linji.
B’mod ġenerali, x’tara li se jkunu l-isfidi ewlenin li se tħabbat wiċċha magħhom is-superviżjoni bankarja Ewropea?
Naħseb li huwa importanti niżguraw li l-BĊE jkun superviżur li jipprovdi kemm standards għoljin ta’ superviżjoni kif ukoll trattament ġust għall-banek taħt superviżjoni.
M’għandux ikun hemm dubji dwar l-ebusija u l-integrità tas-superviżjoni, iżda fl-istess ħin għandha tiġi evitata l-attitudni simplistika ta’ “l-istess kejl jgħodd għal kulħadd”. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu ċari u jinftiehmu. Il-banek taħt superviżjoni għandu jkollhom sehem xieraq biex jiġi żgurat livell għoli ta’ kooperazzjoni.
Bħala waħda mill-mexxejja żgħażagħ ta’ pajjiżek, diġà ksibt ħafna fil-karriera tiegħek. X’inhu dak li jimmotivak u minn fejn tieħu l-ispirazzjoni tiegħek?
Bosta żgħażagħ daħlu f’istituzzjonijiet u kumpaniji meta l-Litwanja reġgħet ħadet l-indipendenza u ssieltu biex jibnu qafas istituzzjonali u klima tan-negozju bi standards tal-Punent. Bħala tifla taħt l-okkupazzjoni Sovjetika, kont noħlom bil-jum meta pajjiżi jsir ħieles u jkun kapaċi jħabrek għal standards ta’ demokrazija u prosperità li konna nafu li jinsabu fuq in-naħa l-oħra tal-purtiera tal-ħadid. Għandi xorti li l-ħolma tiegħi saret realtà u li stajt nagħti sehmi f’din it-tranżizzjoni fenomenali. Il-bidla enormi li wettaqna s’issa hija l-akbar fattur stimolanti għalija u għal dawk bħali.