Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE se jtemm l-evalwazzjoni komprensiva ta’ disa’ banek f’Novembru 2015

9 ta' Ottubru 2015
  • Evalwazzjoni komprensiva tal-2015: ir-riżultati miġburin u individwali tal-banek se jiġu ppubblikati f’Novembru
  • Evalwazzjoni komprensiva tal-2014: għodda effettiva li indirizzat in-nuqqas ta’ kapital identifikat bl-eżerċizzju tas-sena l-oħra

Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE qiegħda tagħmel evalwazzjoni komprensiva ta’ disa’ banek fl-2015, skont ma ddeċieda l-BĊE kmieni din is-sena. Tmienja mid-disa’ banek ma ħadux sehem fl-eżerċizzju tal-2014.

L-evalwazzjoni, li tikkonsisti f’analiżi tal-kwalità tal-assi (AQR) u test tal-istress, qiegħda ssir mill-BĊE skont il-metodoloġija użata fl-eżerċizzju tas-sena li għaddiet. Bank ieħor qiegħed jagħmel it-test tal-istress biss, billi dan ma kienx sar fl-eżerċizzju tas-sena l-oħra. Ir-riżultati tal-banek individwali se jiġu ppubblikati fuq formola stabbilita, bħal dik tal-eżerċizzju tal-2014.

Ħamsa mill-banek kienu diġà saru sinifikanti fl-2014 skont ir-Regolament MSU, li jistabbilixxi l-eliġibbiltà ta’ bank għas-superviżjoni diretta tal-BĊE. Fost il-kriterji hemm dak li l-assi totali ta’ bank jaqbżu €30 biljun jew 20% tal-PDG tal-Istat Membru partikolari, jew li bank isir wieħed mit-tliet banek bl-akbar importanza sistemika fi Stat Membru parteċipanti.

L-erba’ banek l-oħra għandhom mnejn isiru sinifikanti sa Jannar 2016 u għalhekk huma suġġetti għall-evalwazzjoni. Dettalji tal-banek li qiegħda ssirilhom l-evalwazzjoni jinsabu hawn.

L-eżerċizzju tal-evalwazzjoni komprensiva tal-2014, li pprovda ċertifikat tas-saħħa ta’ 130 istituzzjoni qabel ma l-BĊE ħa f’idejh is-superviżjoni bankarja diretta, identifika nuqqas ta’ kapital ta’ €25 biljun f’25 bank, u nuqqasijiet residwi fi 13 minnhom wara li tqiesu l-azzjonijiet li ttieħdu fl-2014.

L-evalwazzjoni komprensiva kienet għodda effikaċi li ssuġġeriet l-azzjonijiet meħtieġa biex jiżdied il-livell ta’ kapital tal-Grad 1 ta’ ekwità komuni tat-13-il bank u tejbet ir-riżultati kwalitattivi identifikati fl-AQR għal kampjun aktar wiesa’ ta’ banek parteċipanti. Fost il-miżuri li ħadu l-banek kien hemm ċessjonijiet, miżuri li jżidu l-kapital u attivitajiet ta’ ristrutturazzjoni kif ukoll titjib fil-ġestjoni tar-riskji u l-proċeduri ta’ kontabilità prudenzjali.

Il-BĊE qiegħed ikompli jaħdem ma’ dawn u mal-banek l-oħrajn kollha taħt superviżjoni diretta biex jiżgura li jkollhom kapital adegwat u jindirizzaw ir-riskji b’mod progressiv waqt is-superviżjoni li ssir minn jum għal jum.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Ronan Sheridan (+49 69 1344 7416).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja
Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)