EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AB0055

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Diċembru 2018 dwar proposta emendata għal regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u atti legali relatati (CON/2018/55)

OJ C 37, 30.1.2019, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-7 ta’ Diċembru 2018

dwar proposta emendata għal regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u atti legali relatati

(CON/2018/55)

(2019/C 37/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fil-11 ta’ Ottubru u l-14 ta’ Novembru 2018 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talbiet mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, rispettivament, għal opinjoni dwar proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea); ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq); ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju; ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej; ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji; ir-Regolament (UE) 2015/760 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil; ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; ir-Regolament (UE) 2017/1129 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat; u d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (1) (iktar ’il quddiem “il-proposta emendata”).

Fit-23 ta’ Novembru 2017 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew ikkonsultaw lill-BĊE dwar il-proposta leġiżlattiva oriġinali għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) u atti legali relatati (2) u rċieva opinjoni adottata mill-BĊE fil-11 ta’ April 2018 (3). Il-proposta emendata tinkludi elementi ġodda li dwarhom il-Parlament Ewropew reġa’ kkonsulta lill-BĊE.

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea peress li r-regolament propost jinkludi dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kontribuzzjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) għat-twettiq bla xkiel ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat, u l-kompiti speċifiċi mogħtija lill-BĊE rigward is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat. F’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Kummenti ġenerali

1.1.

Il-proposta emendata għandha l-għan li ssaħħaħ il-mandat tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) fil-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għal skopijiet ta’ ħasil ta’ flus (ĦF) u ta’ finanzjament tat-terroriżmu (FT), sabiex tiżdied il-fiduċja fil-Unions Bankarji u tas-Suq Kapitali. Il-BĊE jappoġġa bis-sħiħ dan l-għan. Il-proposta emendata se tikkontribwixxi għal identifikazzjoni aħjar ta’ riskji ta’ ĦF/FT fil-livell tal-Unjoni, u għat-titjib u l-armonizzazzjoni ta’ prattiki superviżorji madwar l-Unjoni.

1.2.

Il-kompitu ta’ superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu b’rabta mal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għal skopijiet ta’ ĦF jew FT (superviżjoni kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjarment tat-terroriżmu (KĦF/KFT)) ma ngħatax lill-BĊE. Madankollu, l-eżiti tas-superviżjoni KĦF/KFT huma importanti li jiġu kkunsidrati għat-twettiq tal-kompiti tal-BĊE ta’ superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt l-Artikolu 127(6) tat-Trattat u r-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (4). B’mod partikolari, ir-riskju tal-użu tas-sistema finanzjarja għal ĦF jew FT huwa rilevanti għad-deċiżjonijiet superviżorji prudenzjali tal-BĊE rigward l-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti f’entitajiet taħt superviżjoni (inkluż rigward il-proċess ta’ għoti ta’ awtorizzazzjonijiet lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu) u valutazzjonijiet tajbin u xierqa ta’ maniġers eżistenti jew prospettivi ta’ entitajiet taħt superviżjoni, kif ukoll għas-superviżjoni ta’ kuljum fil-kuntest tal-eżami superviżorju u l-proċess ta’ valutazzjoni. Ksur serju tar-rekwiżiti ta’ KĦF/KFT jista’ jaffettwa ħażin ir-reputazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u jwassal għal sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali sinifikanti imposti fuq entitajiet taħt superviżjoni jew fuq il-persunal tagħhom, u għaldaqstant jista’ jkun ta’ riskju għall-vijabbiltà ta’ entitajiet taħt superviżjoni. F’ċerti każijiet, ksur serju tar-rekwiżiti ta’ KĦF/KFT jista’ jiskatta direttament il-ħtieġa tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Għaldaqstant huwa importanti ħafna li l-BĊE, kif ukoll superviżuri prudenzjali oħrajn ta’ KĦF/KFT, jirċievu informazzjoni f’waqtha u affidabbli dwar ir-riskji ta’ ĦF/FT u l-ksur tar-rekwiżiti ta’ KĦF/KFT mill-entitajiet taħt superviżjoni.

1.3.

Il-qafas legali tal-Unjoni għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskopijiet ta’ ĦF jew FT ġie aġġornat f’dawn l-aħħar snin permezz ta’ diversi atti leġiżlattivi (5) li dwarhom il-BĊE ta l-opinjoni tiegħu. Il-BĊE jappoġġa bis-sħiħ skema tal-Unjoni li tiżgura li l-istituzzjonijiet residenti tal-Istati Membri u tal-Unjoni jkollhom għodod effettivi fil-ġlieda kontra l-ĦF u t-FT, b’mod partikolari kontra kwalunkwe użu ħażin tas-sistema finanzjarja minn dawk li jaħslu l-flus u minn dawk li jiffinanzjaw it-terroriżmu u l-kompliċi tagħhom (6).

1.4.

Peress li l-BĊE diġà ddeċieda, fl-Opinjoni CON/2018/19, dwar il-proposwta leġiżlattiva oriġinali, il-BĊE se jiffoka biss fuq l-elementi ġodda li jinsabu fil-proposta emendata.

2.   Kummenti speċifiċi

2.1.   Informazzjoni li trid tinġabar mill-EBA

2.1.1.

Taħt il-proposta emendata, l-EBA se jkollha l-kompitu li tiġbor informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti marbuta mad-dgħufijiet identifikati fil-proċessi u fil-proċeduri, l-arranġamenti ta’ governanza, il-valutazzjonijiet tajbin u xierqa, il-mudelli ta’ negozju u l-attivitajiet ta’ operaturi tas-settur finanzjarju għall-prevenzjoni ta’ ĦF u FT kif ukoll il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet kompetenti (7). L-informazzjoni preċiża li għandha tiġi rrappurtata lill-EBA mhijiex ċara. Pereżempju, mhuwiex ċar kif għandha tinftiehem dgħufija f’mudell ta’ negozju għall-prevenzjoni ta’ ĦF u FT. Barra minn hekk, il-proposta emendata ma tinkludi ebda kwalifika ta’ dgħufija li għandha tiġi rrappurtata, li jimplika li anki dgħufijiet żgħar ħafna jkollhom jiġu rrappurtati. Huwa ssuġġerit li r-regolament għandu: (a) jiċċara li dan ir-rekwiżit ġdid ta’ rappurtar jiġbor kull dgħufija materjali li żżid ir-riskju li s-sistema finanzjarja tista’ tintuża għal ĦF jew FT; u (b) jirrikjedi li l-EBA tiżviluppa gwida għall-awtoritajiet kompetenti dwar x’jikkostitwixxi tali dgħufija materjali. Barra minn hekk, ir-regolament għandu jispeċifika kwalunkwe element jew proċess addizzjonali li jista’ jkun meħtieġ għall-funzjonament effiċjenti tal-proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, ir-riskji ta’ ĦF/FT rilevanti għar-rwol il-ġdid tal-EBA jistgħu jkunu identifikati fi proċeduri superviżorji apparti dawk li diġà huma elenkati fil-proposta emendata, bħal fl-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet jew valutazzjonijiet ta’ akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti f’operaturi tas-suq finanzjarju. Huwa ssuġġerit li l-informazzjoni miġbura mill-EBA għandha tkun estiża sabiex tinkludi dan it-tip ta’ informazzjoni.

2.1.2.

Il-proposta emendata għandha tiċċara wkoll li r-rappurtar lill-EBA u t-tixrid sussegwenti tal-informazzjoni mill-EBA m’għandux jieħu post l-iskambju dirett ta’ informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti. L-introduzzjoni tal-EBA bħala intermedjarja fl-iskambji kollha ta’ informazzjoni tpoġġi lir-riżorsi tal-EBA taħt pressjoni kbira, u mhux neċessarjament ittejjeb l-effiċjenza tal-iskambju ta’ informazzjoni.

2.1.3.

Fejn l-informazzjoni jew id-dokumenti dwar dgħufijiet materjali hija kondiviża bejn l-awtoritajiet kompetenti, għandu jiġi evitat ir-rappurtar multiplu tal-istess dgħufija materjali mill-awtoritajiet kollha. Il-proposta emendata għandha għalhekk tistipula li l-awtorità kompetenti li oriġinarjament ġabret l-informazzjoni jew ipproduċiet id-dokument biss għandha tirrapporta lill-EBA.

2.1.4.

Biex jonqos il-piż addizzjonali fuq l-awtoritajiet kompetenti li se joħloq dan ir-rappurtar ġdid lill-EBA, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu meħtieġa biss jirrappurtaw informazzjoni li ma jkunux ikkondividew mal-EBA permezz ta’ kanali oħrajn. Pereżempju, fejn l-EBA tipparteċipa f’kulleġġi ta’ superviżuri u tirċievi informazzjoni dwar dgħufija materjali permezz ta’ dawk il-kulleġġi, l-awtoritajiet kompetenti m’għandhomx ikunu meħtieġa jirrappurtawha mill-ġdid lill-EBA. L-EBA għandha għalhekk tuża kanali ta’ informazzjoni diġà eżistenti safejn ikun possibbli. F’dan ir-rigward, il-ftehim dwar il-modalitajiet prattiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni li għandu jiġi konkluż sal-10 ta’ Jannar 2019 taħt l-Artikolu 57a(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) bejn il-BĊE u s-superviżuri ta’ KĦF/KFT tal-Istati Membri kollha se jkun kanal sinifikanti għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar ksur rilevanti ta’ KĦF/KFT u rekwiżiti prudenzjali. L-EBA għandha tingħata aċċess dirett għall-informazzjoni li tiġi skambjata taħt dan il-ftehim. L-aċċess dirett ikun l-aktar mod effiċjenti biex tiġi żgurata kondiviżjoni f’waqtha tal-informazzjoni rilevanti mal-EBA. Tali kuntest jippermetti lill-EBA tirċievi informazzjoni mingħajr dewmien ulterjuri, filwaqt li jelimina l-ħtieġa għall-awtoritajiet kompetenti partijiet għal dan il-ftehim milli jirrappurtaw l-istess informazzjoni lill-EBA.

2.1.5.

Għal sitwazzjonijiet fejn se jkunu meħtieġa rapporti ddedikati lill-EBA, huwa ssuġġerit li l-EBA għandha tiżvilupp wkoll linji gwida, li jinkludu mudelli li jiffaċilitaw ir-rappurtar.

2.1.6.

Mhuwiex ċar dak li se tkun qed tikkoordina l-EBA mal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) taħt l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9a(1)(a) il-ġdid propost b’rabta mal-għoti ta’ informazzjoni lill-EBA. Lanqas ma huwa ċar jekk din il-koordinazzjoni hijiex relatata, u b’liema mod, mal-ġbir tal-informazzjoni li huwa rregolat f’dak l-abbozz ta’ dispożizzjoni. Għaldaqstant il-proposta emendata għandha tkun iċċarata aktar għal dan il-għan. Jekk il-koordinazzjoni mal-UIF hija relatata mal-ġbir tal-informazzjoni mingħand is-superviżuri prudenzjali, inkluż il-BĊE, il-proposta emendata għandha tispeċifika r-regoli rigward l-aċċess tal-UIF għall-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu lill-EBA. Jekk il-koordinazzjoni mal-UIF mhijiex relatata mal-ġbir ta’ informazzjoni mill-EBA, ir-rekwiżit ta’ koordinazzjoni bejn l-EBA u l-UIF għandu jitmexxa għal dispożizzjoni oħra.

2.1.7.

Abbażi tal-esperjenza prattika bil-proċedura l-ġdida ta’ ġbir u tixrid ta’ data proposta u deskritta hawn fuq, jidher xieraq li din il-proċedura tkun riveduta fir-rapport regolari mħejji mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 81 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. Tali reviżjoni tivverifika l-effiċjenza tal-proċedura u tivvaluta jekk għandhomx isiru xi tibdiliet.

2.2.   Il-promozzjoni ta’ konverġenza ta’ proċessi superviżorji u valutazzjonijiet tar-riskju fuq l-awtoritajiet kompetenti

2.2.1.

Taħt il-proposta emendata, l-EBA ikollha l-kompitu li tippromwovi l-konverġenza tal-proċessi superviżorji msemmija fid-Direttiva (UE) 2015/849, inkluż billi twettaq rieżamijiet perjodiċi (9). Il-BĊE jifhem li dawn il-proċessi superviżorji jirrigwardaw biss lis-superviżuri KĦF/KFT u mhux lis-superviżuri prudenzjali. Dan il-fatt għandu jkun iċċarat b’mod espliċitu fil-proposta emendata.

2.2.2.

Taħt il-proposta emendata, l-EBA ikollha l-kompitu li twettaq valutazzjonijiet tar-riskji fuq l-awtoritajiet kompetenti b’enfasi ewlenija, iżda mhux esklużiva, fuq is-superviżuri KĦF/KFT (10). Mhuwiex ċar kif dawn il-valutazzjonijiet tar-riskju se jvarjaw mir-rieżamijiet perjodiċi msemmija aktar ’il fuq. Kemm ir-rieżamijiet perjodiċi kif ukoll il-valutazzjonijiet tar-riskju jidhru li jkopru l-identifikazzjoni u l-indirizzar ta’ riskji ta’ ĦF/FT iżda, filwaqt li l-abbozz ta’ dispożizzjoni li tirregola r-rieżamijiet perjodiċi jirreferi għar-riskji kollha ta’ ĦF/FT inġenerali, l-abbozz ta’ dispożizzjoni li tirregola l-valutazzjonijiet tar-riskju jirreferi biss għall-aktar riskji emerġenti importanti. B’hekk, il-valutazzjonijiet tar-riskji jidhru li diġà huma inkorporati fir-rieżamijiet perjodiċi. Il-proposta emendata għandha għalhekk tiġi fformulata mill-ġdid biex tiddistingwi b’mod aktar ċar il-valutazzjonijiet tar-riskju mir-rieżamijiet perjodiċi. Fl-istess ħin, il-kunċett ta’ “l-aktar riskji emerġenti importanti” għandu jiġi ċċarat aktar.

2.3.   L-iffaċilitar tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti f’pajjiżi terzi

Taħt il-proposta emendata, f’każijiet materjali ta’ ĦF jew ta’ FT li jkollhom dimensjoni transfruntiera li tinvolvi lil pajjiżi terzi, l-EBA ikollha rwol mexxej fl-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni u l-awtoritajiet rilevanti f’pajjiżi terzi (11). Il-BĊE jilqa’ kwalunkwe appoġġ mill-EBA li jgħin lill-awtoritajiet kompetenti jinteraġixxu b’mod aktar effiċjenti mal-awtoritajiet rilevanti f’pajjiżi terzi. Madankollu, il-BĊE jemmen li l-koordinazzjoni tal-EBA m’għandhiex tieħu post kwalunkwe kuntatt dirett li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu meħtieġa li jkollhom mal-awtoritajiet rilevanti f’pajjiżi terzi. Fejn il-kooperazzjoni diretta ta’ dawk l-awtoritajiet tista’ taħdem tajjeb, ma jidhirx li huwa effiċjenti li jiżdied livell ieħor ta’ koordinazzjoni permezz tal-EBA. L-introduzzjoni tal-EBA bħala awtorità addizzjonali fejn ikun hemm kooperazzjoni diretta bejn awtorità kompetenti u awtorità rilevanti ta’ pajjiż terz tista’ tkun problematika wkoll mill-aspett legali jekk l-awtorità kompetenti u l-awtorità rilevanti f’pajjiż terz jikkooperaw flimkien fuq il-bażi ta’ memorandum ta’ ftehim li għalih l-EBA mhijiex parti. Il-proposta emendata għandha għalhekk tagħti lill-EBA is-setgħa li tassisti lill-awtoritajiet kompetenti fil-kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti f’pajjiżi terzi fejn rilevanti. Madankollu, il-proposta emendata m’għandhiex għalfejn tirrikjedi li l-EBA tassumi awtomatikament rwol mexxej fl-iffaċilitar ta’ tali kooperazzjoni. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “każijiet materjali” għandu jkun speċifikat aktar, biex ikun ċar f’liema sitwazzjonijiet jiskatta r-rekwiżit għall-appoġġ tal-EBA. Għal dan il-għan, jidher neċessarju li jiġu speċifikati l-kriterji li l-EBA jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom isegwu fl-identifikazzjoni ta’ tali każijiet. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-interazzjoni bejn l-EBA u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-identifikazzjoni, ir-rappurtar u l-indirizzar ta’ dawn il-każijiet. Għaldaqstant huwa ssuġġerit li l-EBA għandha toħroġ linji gwida li jispeċifikaw l-elementi kollha meħtieġa u l-proċessi neċessarji għall-funzjonament effiċjenti ta’ din il-proċedura.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, qed jiġu stabbiliti abbozzi speċifiċi ta’ dispożizzjonijiet f’dokument ta’ ħidma tekniku separat akkumpanjat minn test ta’ spjegazzjoni għal dan il-għan. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq is-sit web tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-7 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2018) 646 final.

(2)  COM(2017) 536 final.

(3)  Opinjoni CON/2018/19 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta’ April 2018 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u atti legali relatati (ĠU C 255, 20.7.2018, p. 2). L-Opinjonijiet kollha tal-BĊE huma ppubblikati fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(5)  Ara d-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UEE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43); id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73); ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1).

(6)  Ara l-Opinjoni tal-BĊE CON/2013/32.

(7)  L-Artikolu 9a(1)(a) il-ġdid propost tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(8)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(9)  L-Artikolu 9a(3) ġdid propost tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(10)  L-Artikolu 9a(4) ġdid propost tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(11)  L-Artikolu 9a(5) ġdid propost tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.


Top