EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0021

Deċiżjoni (UE) 2015/839 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta' April 2015 li tidentifika l-istituzzjonijiet ta' kreditu li huma suġġetti għal valutazzjoni komprensiva (BĊE/2015/21)

OJ L 132, 29.5.2015, p. 88–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/839/oj

29.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/88


DEĊIŻJONI (UE) 2015/839 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-27 ta' April 2015

li tidentifika l-istituzzjonijiet ta' kreditu li huma suġġetti għal valutazzjoni komprensiva (BĊE/2015/21)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 127(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal- 15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1)(f), l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 6(5)(d) u l-Artikoli 9 sa 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Bord Superviżorju,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 33(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, fl-2014 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) wettaq valutazzjoni komprensiva, inkluża valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ, tal-istituzzjonijiet ta' kreditu identifikati fid-Deċiżjoni BĊE/2014/3 (2).

(2)

Il-BĊE għandu jwettaq valutazzjoni komprensiva kumparabbli f'termini tal-ambitu u l-profondità ma' dik imwettqa fl-2014 fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta' kreditu mhux koperti mill-valutazzjoni preċedenti li saru sinifikanti wara li ġiet adotata d-Deċiżjoni BĊE/2014/3.

(3)

Din il-valutazzjoni għandha tinkludi tliet istituzzjonijiet ta' kreditu kklassifikati bħala sinifikanti mill-BĊE fuq il-bażi tas-sinifikanza tal-attivitajiet transkonfinali ta' grupp taħt superviżjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (3). Għandha tinkludi wkoll istituzzjoni ta' kreditu kklassifikata bħala sinifikanti fuq il-bażi tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 għaliex hija waħda mit-tliet istituzzjonijiet l-aktar sinifikanti fi Stat Membru parteċipanti, u istituzzjoni ta' kreditu sinifikanti li nħolqot fl-2014 bħala riżultat tal-miżuri ta' riżoluzzjoni meħuda minn awtorità nazzjonali kompetenti fil-konfront ta' istituzzjoni ta' kreditu li qabel kienet ikklassifikata bħala sinifikanti.

(4)

Peress li l-assi ta' din tal-aħħar kienu soġġetti għal rieżami tal-kwalità tal-assi u għal verifika speċjali, iżda l-istituzzjoni nfisha ma għamlitx test tal-istress, l-istituzzjoni għandha tkun soġġetta għal test tal-istress biss fl-2015.

(5)

Barra minn hekk, u sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs għal kullħadd, erba' istituzzjonijiet ta' kreditu oħrajn li jistgħu jissodisfaw il-kriterji għas-sinifikanza speċifikati fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 fuq il-bażi tad-dejta kif kienet fi tmiem is-sena tal-kontabilità għas-sena finanzjarja 2014 għandhom jiġu inklużi wkoll f'din il-valutazzjoni.

(6)

Il-BĊE jista' jeħtieġ li l-persuni msemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprovdu t-tagħrif kollu rilevanti biex il-BĊE jwettaq din l-valutazzjoni komprensiva. Il-BĊE jista' wkoll juża s-setgħat tiegħu taħt l-Artikoli 11 sa 13 ta' dak ir-Regolament.

(7)

Il-BĊE għandu jaħdem mill-qrib flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti relevanti fit-twettiq ta' din il-valutazzjoni komprensiva,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Entitajiet suġġetti għall-valutazzjoni komprensiva

1.   L-entitajiet elenkati fl-Anness għandhom ikunu suġġetti għal valutazzjoni komprensiva li għandha ssir mill-BĊE.

2.   Novo Banco, SA għandha tkun soġġetta biss għall-parti tat-test tal-istress tal-valutazzjoni komprensiva.

3.   Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, l-istituzzjonijiet ta' kreditu identifikati fl-Anness bħala soġġetti għall-valutazzjoni komprensiva għandhom jissottomettu kull informazzjoni li tkun relevanti għal din il-valutazzjoni li tintalab mill-BĊE.

Artikolu 2

Setgħat investigatorji

1.   B'konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE jista' jeżerċita s-setgħat investigatorji tiegħu fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta' kreditu identifikati fl-Anness.

2.   Il-BĊE għandu jivverifika l-informazzjoni li jirċievi mingħand l-istituzzjonijiet ta' kreditu, inkluż, fejn ikun meħtieġ, permezz ta' spezzjonijiet fuq il-post, u għandu jiġi assistit minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali, fejn xieraq, bl-involviment ta' terzi, skont l-Artikoli 9 sa 13 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Il-BĊE jista' jistieden, kull meta jkun meħtieġ, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jaħtru awdituri mhux statutorji għat-twettiq tar-rieżami tal-kwalità tal-assi bħala parti mill-valutazzjoni komprensiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-6 ta' Mejju 2015.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-27 ta' April 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Deċiżjoni BĊE/2014/3 tal-4 ta' Frar 2014 li tidentifika l-istituzzjonijiet ta' kreditu li huma soġġetti għall-valutazzjoni komprensiva (ĠU L 69, 8.3.2014, p. 107).

(3)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).


ANNESS

ISTITUZZJONIJIET INKLUŻI FIL-VALUTAZZJONI KOMPRENSIVA

Il-Belġju

Banque Degroof S.A.

Franza

Agence Française de Développement (*)

Il-Lussemburgu

J.P. Morgan Bank Lussemburgu S.A. (*)

Malta

Mediterranean Bank plc (*)

L-Awstrija

Sberbank Europe AG

VTB Bank (Austria) AG

Il-Portugall

Novo Banco, SA (biss għat-test tal-istress)

Is-Slovenja

Unicredit Banka Slovenija d.d.

Il-Finlandja

Kuntarahoitus Oyj (Municipality Finance plc) (*)


(*)  Istituzzjonijiet inqas sinifikanti li jistgħu jiġu kklassifikati mill-ġdid bħala istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti fuq il-bażi ta' dejta fit-tmiem tas-sena tal-kontabilità għas-sena finanzjarja 2014.


Top