EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XB0320(01)

Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew

OJ C 93, 20.3.2015, p. 2–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 93/2


Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew

(2015/C 93/02)

IL-BORD SUPERVIŻORJU TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13e(1) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 19(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (2) jeħtieġ li l-Membri tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ‘il quddiem il-“Membri tal-Bord Superviżorju”) jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi u biex la jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni, minn ebda gvern ta’ Stat Membru jew minn ebda korp pubbliku jew privat ieħor.

(2)

L-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ separazzjoni bejn il-kompiti speċifiċi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar politika li tirrigwarda superviżjoni prudenzjali u l-kompiti tiegħu dwar il-politika monetarja kif ukoll kompiti oħrajn, sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess, u jiżgura li dawn il-funzjonijiet jiġu eżerċitati skont l-objettivi applikabbli.

(3)

L-Artikolu 31(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jeħtieġ li l-BĊE għandu jistabbilixxi u jżomm proċeduri komprensivi u formali inklużi proċeduri etiċi u perijodi proporzjonati biex jivvaluta minn qabel u jipprevjeni kunflitti ta’ interess possibbli li jirriżultaw mill-impjieg sussegwenti fi żmien sentejn tal-Membri tal-Bord Superviżorju u biex jipprovdi għal żvelar adatt bla ħsara għar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali iktar stretti. Fir-rigward ta’ Membri tal-Bord Superviżorju li huma rappreżentanti ta’ awtoriajiet kompetenti nazjonali, dawk il-proċeduri għandhom jiġu stabbiliti u jiġu implimentati f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Barra minn hekk, dawn il-proċeduri huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-BĊE tal-President, tal-Viċi President u l-erba’ rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord Superviżorju, li jinkludu wkoll dispożizzjonijiet dwar il-perijodi ta’ restrizzjonijiet ta’ wara l-impjieg (“cooling-off periods”).

(4)

L-Artikolu 13e(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew jeħtieg li kull membru tal-Bord Superviżorju jiżgura li kull persuna li takkumpanja, is-sostituti u r-rappreżentanti tal-bank ċentrali nazzjonali tagħhom, jekk l-awtorità kompetenti nazzjonali ma tkunx bank ċentrali, jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ konformità mal-Kodiċi tal-Kondotta qabel kwalunkwe parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju,

ADOTTA DAN IL-KODIĊI TA’ KONDOTTA:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.1.   Dan il-Kodiċi tal-Kondotta għandu japplika għall-Membri tal-Bord Superviżorju fil-qadi ta’ dmirijiethom bħala Membri tal-Bord Superviżorju u bħala membri tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Bord Superviżorju. Għandu japplika wkoll għal persuni akkumpanjanti, sostituti u rappreżentanti ta’ banek ċentrali nazzjonali, fejn l-awtorità kompetenti nazzjonali ma tkunx il-bank ċentrali nazzjonali (iktar ‘il quddiem “parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju”), fil-qadi ta’ dmirijiethom fir-rigward tal-Bord Superviżorju u l-Kumitat tat-Tmexxija tal-Bord Superviżorju, f’każijiet fejn dan ikun previst espliċitament.

1.2.   Il-Kodiċi tal-Kondotta għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali iktar stretti, kif ukoll tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-BĊE, inklużi regoli dwar tranżazzjonijiet finanzjarji privati, applikabbli għal dawk li jidħlu fl-ambitu tal-Kodiċi tal-Kondotta fil-kapaċità tagħhom ta’ rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew rappreżentanti tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Il-membri parteċipanti jew membri tal-BĊE.

Artikolu 2

Prinċipji bażiċi

2.1.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom josservaw l-ogħla standards ta’ kondotta etika. Fil-qadi ta’ dmirijiethom, huma mistennija li jaġixxu b’onestà, indipendenza, imparzjalità, diskrezzjoni u ma jagħtux kas interessi personali. Għandhom ikunu konsapevoli tal-importanza tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom, għandhom iqisu n-natura pubblika tal-funzjonijiet tagħhom u għandhom iġibu ruħhom b’mod li jżomm u jippromwovi l-fiduċja pubblika fil-BĊE.

2.2.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jaqdu dmirijiethom b’konformità stretta mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ‘il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, ir-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (3).

2.3.   Meta jagħmlu stqarrijiet pubbliċi fuq kwistjonijiet dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, il-Membri tal-Bord Superviżorju għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-irwol tagħhom fi u d-dmirijiet tagħhom lejn il-Bord Superviżorju u, b’mod partikolari, għandhom jagħmluha ċara jekk ikunux qed jitkellmu bħala rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f’kapaċità personali jew bħala Membri tal-Bord Superviżorju.

2.4.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jaqdu dmirijiethom, u jikkunsidraw lilhom innifishom f’dehriet pubbliċi, bħala rappreżentati tal-Bord Superviżorju, bħala korp kollettiv intern tal-BĊE. Fi ħdan il-Bord Superviżorju, għandhom jikkoordinaw messaġġi li jingħataw permezz ta’ diskorsi pubbliċi, bil-fomm u/jew miktubin, u kwalunkwe forma oħra ta’ komunikazzjoni pubblika. Huma għandhom jikkoordinaw ukoll fi ħdan il-Bord Superviżorju kull dehra waqt is-seduti ta’ u rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Grupp tal-Euro skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 kif ukoll kull skambju ta’ fehmiet ma’ parlamenti nazzjonali skont l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Artikolu 3

Separazzjoni mill-funzjoni tal-politika monetarja

3.1.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jirrispettaw is-separazzjoni tal-kompiti speċifiċi tal-BĊE dwar politika li tirrigwarda s-superviżjoni prudenzjali mill-kompiti tagħha dwar il-politika monetarja, kif ukoll kompiti oħrajn, u għandhom jikkonformaw mar-regoli interni tal-BĊE dwar is-separazzjoni tas-superviżjoni prudenzjali mill-politika monetarja li għandha tiġi adottatat bis-saħħa tal-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

3.2.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom iqisu l-għanijiet stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u ma għandhomx jindaħlu f’kompiti oħrajn tal-BĊE.

Artikolu 4

Indipendenza

4.1.   Skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju, meta jwettqu l-kompiti li jingħatawlhom, għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi, irrispettivament mill-interess nazzjonali jew personali, u ma għandhomx ifittxu jew jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni, minn ebda gvern ta’ Stat Membru jew minn ebda korp pubbliku jew privat ieħor.

4.2.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom, b’mod partikolari, iwettqu l-kompiti li ngħatawlhom ħielsa minn influwenza politika indebita u minn indħil kummerċjali li jaffettwalhom l-indipendenza personali tagħhom.

4.3.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jastjenu minn attivitajiet professjonali u għandhom jirriżenjaw minn kull pożizzjoni li tista’ ttelfilhom l-indipendenza tagħhom jew tippreżentalhom l-possibbiltà ta’ użu ta’ informazzjoni pprivileġġjata.

Artikolu 5

Regoli fuq tranżazzjonijiet finanzjarji privati

5.1.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju m’għandhomx jużaw informazzjoni kunfidenzjali, li għandhom aċċess għaliha, sabiex jagħmlu tranżazzjonijiet finanzjarji privati, kemm direttament kif ukoll indirettament permezz ta’ terzi, b’riskju tagħhom stess u għalihom stess jew b’riskju u għal terza parti.

5.2.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jorganizzaw jew jaderixxu ma’ proċeduri adegwati għall-ġestjoni tal-assi personali tagħhom li jkunu assi li jaqbżu l-ħtiġijiet għall-użu ordinarju personali jew tal-familja, b’mod li jkunu żgurati l-indipendenza tal-membru tal-Bord Superviżorju, in-nuqqas ta’ kunflitti ta’ interess u impediment għall-użu ta’ informazzjoni pprivileġġjata mill-membru.

5.3.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jikkonformaw mar-regoli dwar tranżazzjonijiet finanzjarji privati adottati mill-BĊE għall-membri tal-persunal tal-BĊE. Fir-rigward ta’ Membri tal-Bord Superviżorju li huma rappreżentanti ta’ awtoritajiet kompetenti nazzjonali, il-konformità ma’ u l-monitoraġġ ta’ dawn ir-regoli fuq tranżazzjonijiet finanzjarji privati huma bla ħsara għal kwalunkwe regola proċedurali nazzjonali applikabbli.

Artikolu 6

Dikjarazzjoni dwar il-ġid

Fin-nuqqas ta’ rekwiżit li jipprovdu dikjarazzjoni dwar il-ġid skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, il-Membri tal-Bord Superviżorju għandhom jissottomettu lill-President tal-BĊE, jew wara l-ewwel tliet xhur tal-mandat tagħhom jew inkella matul il-perijodu ta’ tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Kodiċi tal-Kondotta, stqarrija bil-miktub fejn jiddikjaraw il-patrimonju tagħhom, kull involviment dirett jew indirett fi kwalunkwe kumpannija, u l-organizzazzjoni prospettiva għall-immaniġġjar tal-assi tagħhom matul il-mandat tagħhom bħala membru tal-Bord Superviżorju. Dawn id-dikjarazzjonijiet bil-miktub, inklużi dikjarazzjonijiet dwar il-ġid skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, għandhom jiġu aġġornati fuq bażi annwali.

Artikolu 7

Opinjoni tal-Kumitat tal-Etika tal-BĊE

7.1.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jitolbu l-opinjoni tal-Kumitat tal-Etika tal-BĊE f’każ ta’ dubju dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli stabbiliti f’dan il-Kodiċi tal-Kondotta.

7.2.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju, kif ukoll il-BĊE u l-awtorità kompetenti nazzjonali jew il-bank ċentrali nazzjonali li tagħhom il-membru rikjedenti tal-Bord Superiżorju jew parteċipant ieħor fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju huwa rappreżentant, għandhom ikunu informati bil-prinċipji u r-raġuni tal-opinjonijiet maħruġin mill-Kumitat tal-Etika tal-BĊE mingħajr ma jiġi identifikat ebda membru individwali tal-Bord Superviżorju jew parteċipant ieħor.

Artikolu 8

Perijodi ta’ restrizzjonijiet ta’ wara l-impjieg

8.1.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju għandhom jinfurmaw lill-President tal-BĊE bl-intenzjoni tagħhom li jwettqu xi attività ta’ xogħol, kemm jekk bi qligħ jew le, fil-perijodu ta’ sentejn mid-data li ma jibqgħux fil-kariga. Huma jistgħu jwettqu attività ta’ xogħol biss fi:

(a)

istituzzjoni ta’ kreditu li hija sorveljata direttament mill-BĊE wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ sena mid-data meta jieqfu jkunu Membri tal-Bord Superviżorju;

(b)

istituzzjoni ta’ kreditu li mhix sorveljata direttament mill-BĊE, imma fejn jeżisti kunflitt ta’ interess jew jista’ jinftiehem li jeżisti wieħed, wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ sena mid-data meta jieqfu jkunu Membri tal-Bord Superviżorju.

(c)

istituzzjoni li ma tkunx istituzzjoni ta’ kreditu, ħlief meta jeżisti kunflitt ta’ interess jew jista’ jinftiehem li jeżisti wieħed, f’liema każ l-attività rilevanti tista’ tibda biss wara li jgħaddi perijodu ta’ sitt xhur mid-data meta jieqfu jkunu Membri tal-Bord Superviżorju.

8.2.   Parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jinfurmaw lill-President tal-BĊE bl-intenzjoni tagħhom li jwettqu kwalunkwe attività ta’ xogħol, kemm jekk bi qligħ kif ukoll jekk le, fi żmien perijodu ta’ sena mid-data li ma jibqgħux jaġixxu f’dik il-kapaċità. Huma jistgħu jwettqu attività ta’ xogħol biss fi:

(a)

istituzzjoni ta’ kreditu li hija sorveljata direttament mill-BĊE wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ sitt xhur mid-data tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Bord Superviżorju;

(b)

istituzzjoni ta’ kreditu li mhix sorveljata direttament mill-BĊE, imma fejn jeżisti kunflitt ta’ interess jew jista’ jinftiehem li jeżisti wieħed, wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ sitt xhur mid-data tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Bord Superviżorju;

(c)

istituzzjoni li ma tkunx istituzzjoni ta’ kreditu, ħlief meta jeżisti kunflitt ta’ interess jew jista’ jinftiehem li jeżisti wieħed, f’liema każ l-attività rilevanti tista’ tibda biss wara li jgħaddi perijodu ta’ tliet xhur mid-data tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Bord Superviżorju.

8.3.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jitolbu lill-Kumitat tal-Etika tal-BĊE biex jagħti opinjoni fuq perijodi ta’ restrizzjonijiet ta’ wara l-impjieg li japplikaw għalihom skont dan l-Artikolu. Il-Kumitat tal-Etika tal-BĊE jista’ jirrakkomanda fl-opinjoni tiegħu l-eżenzjoni jew it-tnaqqis tal-perijodi ta’ restrizzjoni ta’ wara l-impjieg stabbiliti f’dan l-Artikolu f’ċirkustanzi fejn tista’ tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ kunflitti ta’ interess li jirriżultaw minn attivitajiet ta’ xogħol sussegwenti.

8.4.   Fir-rigward tal-Artikoli 8.1(a) u 8.2(a) il-Kumitat tal-Etika tal-BĊE jista’ jirrakkomanda wkoll fl-opinjoni tiegħu li jiġu estiżi l-perijodi ta’ restrizzjonijiet ta’ wara l-impjieg sa massimu ta’ sentejn għall-Membri tal-Bord Superviżorju u ta’ sena għal parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju f’ċirkustanzi xierqa fejn il-possibbiltà ta’ kunflitti ta’ interess tirriżulta minn attivitajiet ta’ xogħol sussegwenti ma tistax tiġi eskluża għall-perijodi itwal.

8.5.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jitħallsu kumpens xieraq fir-rigward tal-perijodi ta’ restrizzjonijiet ta’ wara l-impjieg mill-istituzzjonijiet li jimpjegawhom rispettivi tagħhom. Dan il-kumpens għandu jitħallas irrispettivament minn jekk jirċevux offerta biex iwettqu attività ta’ xogħol. Għaldaqstant, il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju jistgħu jitolbu opinjoni mill-Kumitat tal-Etika tal-BĊE dwar il-livell xieraq ta’ kumpens għall-perijodi ta’ restrizzjoni ta’ wara l-impjieg.

8.6.   Opinjonijiet maħruġin mill-Kumitat tal-Etika tal-BĊE skont il-Paragrafi 3, 4 u 5 għandhom jiġu indirizzati lill-Bord Superviżorju għall-kunsiderazzjoni tiegħu. Il-Bord Superviżorju mbagħad għandu jagħmel rakkomandazzjoni lill-awtorità kompetenti nazzjonali rispettiva jew lil bank ċentrali nazzjonali rispettiv li għandu jinforma lill-Bord Superviżorju dwar kwalunkwe impediment għall-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

Artikolu 9

Kunflitti ta’ interess

9.1.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jevitaw kull sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal jew tista’ tinftiehem bħala li tagħti lok għal kunflitt ta’ interess. Ikun hemm kunflitt ta’ interess meta l-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju jkollhom interessi privati jew personali li jistgħu jinfluwenzaw it-twettiq imparzjali u oġġettiv tal-kompiti tagħhom inkluż kull benefiċċju jew vantaġġ potenzjali għalihom innifishom, il-membri tal-familja tagħhom jew l-imsieħba rikonoxxuti tagħhom.

9.2.   Kull sitwazzjoni li tista’ tikkawża jew tista’ tinftiehem li tikkawża kunflitt ta’ interess għandha tiġi żvelata bil-miktub minn Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju lill-Bord Superviżorju u dawn il-membri m’għandhom jipparteċipaw fl-ebda deliberazzjoni jew vot fir-rigward ta’ dik is-sitwazzjoni.

Artikolu 10

Rigali jew benefiċċji oħra

10.1.   “Rigal” ifisser kull benefiċċju jew vantaġġ, kemm jekk finanzjarju kif ukoll in natura, li huwa marbut mad-dmirijiet li għandhom il-Membri tal-Bord Superviżorju jew parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju imma ma jkunx il-kumpens miftiehem għas-servizzi mogħtija, kemm jekk mogħti minn jew offrut lill-Membri tal-Bord Superviżorju jew parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju, jew lil kwalunkwe membru tal-familji tagħhom jew lill-imsieħba rikonoxxuti tagħhom.

10.2.   L-aċċettazzjoni ta’ rigal m’għandhiex, fi kwalunkwe każ, tagħmel ħsara lil jew tinfluwenza l-oġġettività u l-libertà ta’ azzjoni tal-membru tal-Bord Superviżorju u m’għandhiex toħloq obbligu jew aspettattiva mhux xierqa min-naħa tad-destinatarju jew il-fornitur. Għandhom jiġu rrifjutati rigali li għandhom konnessjoni ma’ entitajiet sorveljati ta’ valur li jaqbeż EUR 50 u rigali tas-settur pubbliku ta’ valur li jaqbeż dak li huwa skont id-drawwa u li jitqies li huwa xieraq. Jekk sitwazzjoni partikolari ma tippermettix li tali rigali jiġu rrifjutati, ir-rigal għandu jingħadda lill- BĊE, lill-awtorità kompetenti nazzjonali jew lill-bank ċentrali nazzjonali li l-membru tal-Bord Superviżorju jew partiċipant ieħor fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju huwa rappreżentant tagħhom, ħlief jekk kull ammont li jaqbeż EUR 50 jitħallas lil-BĊE, lill-awtorità nazzjonali kompetenti jew lill-bank ċentrali nazzjonali. Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju m’għandhomx jaċċettaw rigali ta’ spiss mill-istess sors.

Artikolu 11

Aċċettazzjoni ta’ stediniet u ħlasijiet relatati

11.1.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju, wara li jqisu l-obbligi tagħhom li jirrispettaw l-prinċipju ta’ indipendenza u jevitaw l-kunflitti ta’ interess, jistgħu jaċċettaw stediniet għal konferenzi, riċevimenti jew avvenimenti kulturali u divertiment konness, inkluża l-ospitalità xierqa, jekk il-parteċipazzjoni tagħhom fl-avveniment tkun kompatibbli mal-qadi ta’ dmirijiethom jew tkun fl-interess tal-BĊE. Għandhom josservaw prudenza partikolari fir-rigward ta’ stediniet individwali.

11.2.   Kull stedina u ħlas li ma jkunux skont dawn ir-regoli għandhom jiġu rrifjutati mill-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju u għandhom jinfurmaw lill-kontropartijiet tagħhom dwar ir-regoli applikabbli.

Artikolu 12

Attivitajiet mwettqa f’kapaċità personali

12.1.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jiżguraw li l-attivitajiet li jwettqu f’kapaċità personali, jekk ikun hemm, kemm jekk jitħallsu għalihom kif ukoll jekk le, ma jkollhomx impatt negattiv fuq l-obbligi tagħhom u ma jagħmlux ħsara lir-reputazzjoni tal-BĊE.

12.2.   Pereżempju, attivitajiet ta’ tagħlim u attivitajiet akkademiċi, kif ukoll attivitajiet oħrajn, jistgħu jitwettqu minn Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju, iżda dawn l-attivitajiet m’għandhomx ikunu relatati mal-entitajiet issorveljati. Huma jistgħu jaċċettaw remunerazzjoni u r-rimbors tal-ispejjeż għal dawn l-attivitjajiet meta jsiru f’kapaċità personali u mingħajr l-involviment tal-BĊE, iżda dik ir-remunerazzjoni u l-ispejjeż għandhom ikunu proporzjonati max-xogħol imwettaq u jibqgħu f’limiti skont id-drawwa.

12.3.   Fuq bażi annwali, il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jinnotifikaw lill-Kumitat tal-Etika bil-miktub dwar kwalunkwe attività fejn ikunu pparteċipaw f’kapaċità personali u dwar kwalunkwe remunerazzjoni li tirriżulta mill-mandati esterni tagħhom, kemm pubbliċi kif ukoll privati, li jkunu saru matul il-perijodi tal-kariga tagħhom.

12.4.   F’kontribuzzjonijiet xjentifiċi jew akkademiċi, Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jagħmluha ċara li dawk il-kontribuzzjonijiet isiru f’kapaċità personali u ma jirrappreżentawx il-fehmiet tal-BĊE.

Artikolu 13

Impieg bi qligħ jew dmirijiet oħrajn tal-konjuġi jew tas-sieħeb rikonoxxut

Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jirrappurtaw minnufih lill-Kumitat tal-Etika kull impjieg bi qligħ jew attivitajiet remunerati oħrajn tal-konjuġi tagħhom jew tas-sieħeb rikonoxxut li jistgħu jikkawżaw jew jistgħu jinftiehmu li jikkawżaw kunflitt ta’ interess, anki fil-każ ta’ dubju.

Artikolu 14

Segretezza professjonali

14.1.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tas-segretezza professjonali fl-Artikolu 37 tal-Istatut tas-SEBĊ, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 23a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, li bis-saħħa tagħhom il-membri huma meħtieġa li ma jiżvelawx informazzjoni konfidenzjali, kemm f’diskorsi jew fi stqarrijiet pubbliċi kif ukoll lill-midja, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet superviżorji li jkunu għadhom ma ġewx ippubblikati uffiċjalment.

14.2.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiġi żgurat li l-obbligi tas-segretezza professjonali fl-Artikolu 37 tal-Istatut tas-SEBĊ jiġu rrispettati minn persuni li jkollhom aċċess għall-informazzjoni tal-membri.

Artikolu 15

Informazzjoni fuq dispożizzjonijiet legali nazzjonali konfliġġenti

Il-Membri tal-Bord Superviżorju u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jinfurmaw lill-Kumitat tal-Etika tal-BĊE dwar kull ostakolu għall-konformità sħiħa ma’ dan il-Kodiċi tal-Kondotta, inkluż kull ostakolu li jiġi minn dispożizzjonijiet legali nazzjonali konfliġġenti.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan il-Kodiċi tal-Kondotta għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-adozzjoni tiegħu.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-12 ta’ Novembru 2014.

Il-President tal-Bord Superviżorju

Danièle NOUY


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 46.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(3)  ĠU L 182, 21.6.2014, p. 56.


Top