EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1845

Regolament (UE) 2018/1845 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta' Novembru 2018 dwar l-eżerċitar tad-diskrezzjoni taħt l-Artikolu 178(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-limitu għall-valutazzjoni tal-materjalità tal-obbligi ta' krediti li jkunu dovuti (BĊE/2018/26)

OJ L 299, 26.11.2018, p. 55–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/11/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1845/oj

26.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/55


REGOLAMENT (UE) 2018/1845 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-21 ta' Novembru 2018

dwar l-eżerċitar tad-diskrezzjoni taħt l-Artikolu 178(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-limitu għall-valutazzjoni tal-materjalità tal-obbligi ta' krediti li jkunu dovuti (BĊE/2018/26)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 6, u l-Artikolu 9(1) u (2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 178(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/171 tad-19 ta' Ottubru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment għal obbligi ta' kreditu skaduti (3), u b'mod partikolari l-Artikoli 1 sa 3 u 6 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika u l-analiżi li saret skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Bord Superviżorju approvata skont l-Artikolu 26(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu s-setgħa li jadotta regolamenti skont l-Artikolu 132 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-Artikolu 132 tat-Trattat u l-Artikolu 34 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), meta jirreferi għall-Artikolu 25.2 tal-Istatut tas-SEBĊ, jagħti lill-BĊE setgħat regolatorji wkoll fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu.

(2)

Id-dritt tal-Unjoni dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu jipprovdi għal opzjonijiet u diskrezzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżerċitaw.

(3)

Il-BĊE huwa l-awtorità kompetenti fl-Istati Membri kif stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni rilevanti għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mikroprudenzjali tiegħu fi ħdan il-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 fir-rigward ta' istituzzjonijiet ta' kreditu li huma kklassifikati bħala sinifikanti skont l-Artikolu 6(4) ta' dak ir-Regolament u l-Parti IV u l-Artikolu 147(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (4). Għalhekk, għandu s-setgħat u l-obbligi kollha li għandhom l-awtoritjajiet kompetenti taħt id-dritt tal-Unjoni relevanti. B'mod partikolari, il-BĊE għandu s-setgħa li jeżerċita l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fid-dritt tal-Unjoni.

(4)

Il-BĊE iwettaq il-kompiti superviżorji tiegħu fi ħdan l-MSU, li għandu jiżgura li l-politika tal-Unjoni relatata mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu tiġi implimentata b'mod koerenti u effettiv, li l-ġabra unika ta' regoli għas-servizzi finanzjarji tiġi applikata bl-istess mod għall-istituzzjonijiet ta' kreditu fl-Istati Membri kollha kkonċernati, u li dawk l-istituzzjonijiet ta' kreditu jkunu soġġetti għal superviżjoni tal-ogħla kwalità. Fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu, il-BĊE għandu debitament iqis id-diversità tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-daqs u l-mudelli tan-negozju tagħhom, kif ukoll il-benefiċċji sistemiċi tad-diversità fl-industrija bankarja tal-Unjoni.

(5)

L-applikazzjoni konsistenti ta' rekwiżiti prudenzjali għal istituzzjonijiet ta' kreditu fi ħdan l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-MSU huwa għan speċifiku tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u r-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) u huwa fdat lill-BĊE.

(6)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE japplika d-dritt tal-Unjoni rilevanti kollu u fejn id-dritt tal-Unjoni jkun kompost minn direttivi, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-direttivi. Meta d-dritt tal-Unjoni relevanti jkun jikkonsisti minn Regolamenti u meta attwalment dawk ir-regolamenti jagħtu espliċitament opzjonijiet u diskrezzjonijiet lill-Istati Membri, il-BĊE għandu japplika wkoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali li teżerċita dawk l-opzjonijiet u diskrezzjonijiet. Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din m'għandhiex taffettwa l-funzjonament mingħajr xkiel tal-MSU, li għalih huwa responsabbli il-BĊE.

(7)

Dawn l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet ma jinkludux dawk mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-awtoritajiet kompetenti li l-BĊE biss huwa kompetenti li jeżerċita u li għandu jeżerċita kif jixraq.

(8)

Meta jeżerċita opzjonijiet u diskrezzjonijiet, il-BĊE għandu jqis il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari t-trattament ugwali, il-proporzjonalità u l-aspettattivi leġittimi ta' istituzzjonijiet ta' kreditu sorveljati.

(9)

Fir-rigward tal-aspettattivi leġittimi tal-istituzzjonijiet ta' kreditu sorveljati, il-BĊE jirrikonoxxi l-bżonn li jippermetti perijodi tranżitorji meta l-eżerċizzju tiegħu ta' diskrezzjonijiet ikunu differenti b'mod sinifikanti mill-approċċ li jieħdu l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. F'dan ir-rigward, iż-żewġ istituzzjonijiet ta' kreditu li japplikaw l-Approċċ Standardizzat u l-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni għandu jkollhom perijodu tranżitorju xieraq. Għalhekk, l-istituzzjonijiet ta' kreditu huma meħtieġa japplikaw il-livell minimu għall-valutazzjoni tal-materjalità ta' obbligu ta' kreditu li jkun dovut kif stabbilit f'dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2020 u huma meħtieġa li jinnotifikaw lill-BĊE, qabel l-1 ta' Ġunju 2019, dwar id-data eżatta minn meta ser jibdew jappikaw dak il-livell minimu.

(10)

L-Artikolu 178(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jagħti lill-awtoritajiet kompetenti s-setgħa li jistabbilixxu limitu minimu għall-evalwazzjoni tal-materjalità ta' obbligu ta' kreditu li jkun sar dovut kif imsemmi fl-Artikolu 178(1)(b). Fl-iffissar ta' limitu bħal dan, il-BĊE għandu jqis il-kriterji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2018/171.

(11)

Il-BĊE jikkunsidra li l-limitu minimu f'dan ir-Regolament għall-evalwazzjoni tal-materjalità ta' obbligu ta' kreditu li jkun dovut kif imsemmi fl-Artikolu 178(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jirrifletti livell raġonevoli ta' riskju u l-applikazzjoni tiegħu tippermetti komparabbiltà akbar tar-rekwiżiti kapitali fost l-istituzzjonijiet ta' kreditu sorveljati.

(12)

L-Artikolu 143(1)(b) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw il-mod tal-eżerċitar tal-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli taħt id-dritt tal-Unjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Il-BĊE bil-preżenti jeżerċita d-diskrezzjoni mogħtija lil awtoritajiet kompetenti taħt l-Artikolu 178(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 b'rabta mal-limitu minimu għall-evalwazzjoni tal-materjalità ta' obbligu ta' kreditu li jkun dovut. Dan ir-Regolament għandu japplika esklużivament fir-rigward ta' dawk l-istituzzjonijiet ta' kreditu kklassifikati bħala sinifikanti skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Parti IV u l-Artikolu 147(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) u irrispettivament mill-metodu użat għall-kalkolu tal-ammonti ta' skopertura ponderati għar-riskju tagħhom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).

Artikolu 3

Artikolu 178(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: limitu minimu għall-evalwazzjoni tal-materjalità tal-obbligu ta' kreditu li jkun dovut

1.   Għall-fini tal-Artikolu 178(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom jivvalutaw il-materjalità ta' obbligu ta' kreditu li jkun dovut kontra l-limitu minimu li ġej, li jinkludi żewġ komponenti:

(a)

limitu f'termini ta' somom tal-ammonti kollha dovuti mill-obbligant lill-istituzzjoni ta' kreditu, lill-impriża prinċipali ta' dik l-istituzzjoni ta' kreditu jew lil kwalunkwe sussidjarja tagħha (iktar 'il quddiem “l-obbligu ta' kreditu li jkun dovut”) ta':

(i)

għall-iskoperturi bl-imnut, EUR 100;

(ii)

għall-iskoperturi li m'humiex skoperturi bl-imnut, ta' EUR 500; u

(b)

limitu f'termini tal-ammont tal-obbligu ta' kreditu li jkun dovut b'rabta mal-ammont totali tal-iskoperturi kollha fuq il-karta tal-bilanċ għal dak l-obbligant għall-istituzzjoni ta' kreditu, l-impriża prinċipali jew kwalunkwe sussidjarja tagħha, esklużi skoperturi ta 1 %.

2.   Għal istituzzjonijiet ta' kreditu li japplikaw id-definizzjoni ta' inadempjenza stipulata fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 178(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal skoperturi bl-imnut fil-faċilità ta' kreditu individwali, il-limitu stabbilit fil-paragrafu 1 għandu japplika fil-livell tal-faċilità ta' kreditu individwali mogħtija lill-obbligant mill-istituzzjoni ta' kreditu, l-impriża prinċipali jew kwalunkwe waħda mis-sussidjarji tagħha.

3.   Inadempjenza għandha titqies li sseħħ meta ż-żewġ limiti stipulati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 jinqabżu għal 90 jum konsekuttiv.

Artikolu 4

Data ta' applikazzjoni tal-limitu minimu tal-materjalità

L-istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom japplikaw il-limitu minimu għall-evalwazzjoni tal-materjalità ta' obbligu ta' kreditu li jkun dovut stipulat minn dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2020. Huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE, qabel l-1 ta' Ġunju 2019, dwar id-data eżatta meta jkunu ser jibdew japplikaw dak il-limitu minimu.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament ghandu jidhol fis-sehh fl-ghoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tieghu f'Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-21 ta' Novembru 2018.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(3)  ĠU L 32, 6.2.2018, p. 1.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma' awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).


Top