EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0042(01)

Deċiżjoni (UE) 2017/935 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar id-delegazzjoni tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet ta' kompetenza u idoneità u l-evalwazzjoni ta' rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità (BĊE/2016/42)

OJ L 141, 1.6.2017, p. 21–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/09/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/935/oj

1.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/21


DEĊIŻJONI (UE) 2017/935 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta' Novembru 2016

dwar id-delegazzjoni tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet ta' kompetenza u idoneità u l-evalwazzjoni ta' rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità (BĊE/2016/42)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1)(e) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), bħala l-awtorità kompetenti għal entità sinifikanti taħt superviżjoni, huwa responsabbli biex jiżgura, skont l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikoli 93 u 94 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2014/17) (3), li l-membri tal-korpi ta' ġestjoni ta' dawk l-entitajiet jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità.

(2)

L-Artikolu 91 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (4) jeħtieġ li: (a) Il-membri tal-korp ta' ġestjoni għandhom ikunu dejjem ta' reputazzjoni tajba biżżejjed u jkollhom għarfien, ħiliet u esperjenza biżżejjed biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom, u l-korp ta' ġestjoni bħala ħaġa sħiħa għandu jkollu għarfien, ħiliet u esperjenza kollettivi adegwati sabiex ikun kapaċi jifhem l-attivitajiet tal-istituzzjoni; il-membri kollha tal-korp ta' ġestjoni għandhom jimpenjaw ħin biżżejjed biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom fl-istituzzjoni u, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi individwali u n-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-istituzzjoni, in-numru ta' direttorati f'idejn kull membru ma jistax jaqbeż ċertu ammont; (c) kull membru tal-korp ta' ġestjoni għandu jaġixxi b'onestà, integrità u indipendenza mentali; u (d) l-entitajiet taħt superviżjoni għnadhom jistabbilixxu politika li tippromwovi d-diversità fil-korp ta' ġestjoni.

(3)

Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE għandu japplika kull liġi relevanti tal-Unjoni meta jwettaq il-kompiti superviżorji tiegħu, u meta din il-liġi tkun komposta minn Direttivi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi. Il-BĊE huwa soġġett ukoll għall-istandards tekniċi regolatorji u implimentattivi żviliuppati mill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) u adottati mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikoli 10 sa 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (5). Il-BĊE għandu jagħmel kull sforz biex jikkonforma mal-linji gwida u r-rakkomandazzjnijiet żviluppati mill-ABE taħt l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u mal-manwal superviżorju Ewropew żviluppat mill-ABE skont dak ir-Regolament.

(4)

Skont il-Linji Gwida ABE/GL/2012/06 tal-Awtorità Bankarja Ewropea (6), meta tiġi evalwata l-idoneità ta' membru, minbarra l-kriterji li jikkonċernaw ir-reputazzjoni u l-esperjenza ta' membru, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll kriterji li huma relevanti għall-funzjonament tal-korp ta' ġestjoni. L-evalwazzjoni għandha tinkludi kunflitti ta' interess potenzjali tal-membri, il-kapaċità tagħhom li jimpenjaw biżżejjed ħin, il-kapaċità tagħhom li jwettqu dmirijiethom b'mod indipendenti mingħajr influwenza indebita minn persuni oħrajn, il-kompożizzjoni ġenerali tal-korp ta' ġestjoni u l-għarfien u l-ħila esperta kollettiva meħtieġa minnu. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta' governanza tal-istituzzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 88 tad-Direttiva 2013/36/UE.

(5)

Minbarra l-liġi nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 91 tad-Direttiva 2013/36/UE, deċiżjoni tal-BĊE ta' kompetenza u idoneità għandha tiżgura wkoll konformità mar-rekwiżiti stipulati f'xi liġi nazzjonali applikabbli oħra. Għalhekk, evalwazzjoni dwar jekk deċiżjoni tistax tiġi adottata permezz ta' delega għandha titwettaq mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni dwar jekk humiex sodisfatti r-rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità stipulati fil-liġi applikabbli.

(6)

Il-BĊE, bħala l-awtorità kompetenti, huwa meħtieġ jadotta numru sostanzjali ta' deċiżjonijiet dwar kompetenza u idoneità kull sena. Sabiex jiffaċilita l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, deċiżjoni ddelegata hija meħtieġa fir-rigward tal-adozzjoni ta' dawk id-deċiżjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet li d-delegazzjoni ta' awtorità hija neċessarja sabiex istituzzjoni li tkun meħtieġa tadotta numru konsiderevoli ta' deċiżjonijiet tkun tista' twettaq dmirijietha. B'mod simili, hija rrikonoxxiet bħala prinċipju inerenti għas-sistemi istituzzjonali kollha l-ħtieġa li jiġi żgurat li korpi li jieħdu deċiżjonijiet ikunu jistgħu jiffunzjonaw (7).

(7)

Id-delegazzjoni tas-setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għandha tkun limitata, proporzjonata u l-ambitu tad-delega għandu jkun iddefinit b'mod ċar.

(8)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40) tispeċifika l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ta' delega dwar superviżjoni u l-persuni li jistgħu jiġu ddelegati setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Dik id-Deċiżjoni ma taffettwax l-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tal-BĊE u hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Bord Superviżorju li jipproponi abbozzi ta' deċiżjonijiet sħaħ lill-Kunsill Governattiv.

(9)

Meta l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjoni ddelegata, kif stipulati f'din id-Deċiżjoni, ma jkunux sodisfatti, deċiżjonijiet dwar il-kompetenza u l-idoneità għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni stipulata fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 13g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2 (8).

(10)

Jekk membru ma jitqisx li jissodisfa r-rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità, id-deċiżjoni dwar kompetenza u idoneità m'għandhiex tiġi adottata permezz ta' deċiżjoni ddelegata, iżda taħt il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni. B'hekk huwa neċessarju li jitħalla biżżejjed ħin għal proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni f'każijiet fejn ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat bil-quddiem jekk tistax tiġi adottata deċiżjoni ddelegata. Għal din ir-raġuni, jekk awtorità nazzjonali kompetenti ma tissottomettix lill-BĊE abbozz ta' deċiżjoni ddelegata 20 jum ta' xogħol qabel ma tiskadi l-iskadenza għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar kompetenza u idoneità taħt il-liġi nazzjonali applikabbli, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata taħt il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni. Barra minn hekk, jekk il-kapijiet tal-unitajiet ta' ħidma jkollhom tħassib dwar jekk il-membru jissodisfax ir-rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità minħabba li l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tkunx ipprovdiet biżżejjed informazzjoni jew minħabba l-kumplessità tal-evalwazzjoni, għandha tintuża għal darba oħra l-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità” tfisser ir-rekwiżiti li l-membri tal-korp ta' ġestjoni ta' entità sinifikanti taħt superviżjoni għandhom jissodisfaw f'kull ħin skont l-Artikolu 91 tad-Direttiva 2013/36/UE u kull liġi applikabbli oħra;

(2)

“deċiżjoni dwar kompetenza u idoneità” tfisser deċiżjoni tal-BĊE li tiddikjara jekk individwu jissodisfax ir-rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità;

(3)

“liġi applikabbli” tfisser il-liġi tal-Unjoni applikabbli fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, u kull liġi nazzjonali li hija relevanti għall-evalwazzjoni tar-rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità;

(4)

“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru parteċipanti kif iddefinit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(5)

“entità sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

(6)

“entità taħt superviżjoni” tfisser entità taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (20) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

(7)

“grupp sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser grupp sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinit fil-punt (22) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

(8)

“deċiżjoni ddelegata” tfisser deċiżjoni adottata fuq il-bażi ta' delegazzjoni ta' setgħa mill-Kunsill Governattiv skont id-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40);

(9)

“korp ta' ġestjoni” tfisser korp ta' ġestjoni kif iddefinit fil-punt (7) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/36/UE, soġġett għall-Artikolu 3(2) tagħha;

(10)

“membru” tfisser membru propost jew maħtur ta' korp ta' ġestjoni jew, fejn applikabbli, detentur ta' funzjoni essenzjali propost jew maħtur kif iddefinit skont il-liġi applikabbli;

(11)

“kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma” tfisser il-kapijiet tal-unitajiet ta' ħidma tal-BĊE li lilhom tiġi ddelegata s-setgħa li jadottaw konġuntament deċiżjonijiet dwar kompetenza u idoneità;

(12)

“awtorità nazzjonali kompetenti” tfisser awtorità nazzjonali kompetenti kif iddefinita fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(13)

“proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni” tfisser il-proċedura stipulata fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u li hija speċifikata ulterjorment fl-Artikolu 13g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2;

(14)

“Gwida għal evalwazzjonijiet tal-kompetenza u l-idoneità” tfisser dokument b'dan it-titolu, adottat u emendat minn żmien għal żmien skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni u ppubblikat fuq is-sit elettroniku tal-BĊE, li jkun fih gwida dwar kif għandhom isiru valutazzjonijiet tal-kompetenza u l-idoneità;

(15)

“istituzzjoni ta' kreditu” tfisser istituzzjoni ta' kreditu kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (9).

Artikolu 2

Delegazzjoni ta' deċiżjonijiet dwar kompetenza u idoneità

1.   Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40), il-Kunsill Governattiv bil-preżenti jiddelega lill-kapijiet tal-unitajiet ta' ħidma nnominati mill-Bord Eżekuttiv skont l-Artikolu 5 ta' dik id-Deċiżjoni s-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet dwar kompetenza u idoneità.

2.   Il-kapijiet tal-unitajiet ta' ħidma għandhom jadottaw deċiżjonijiet iddelegati skont din id-Deċiżjoni u l-liġi applikabbli.

Artikolu 3

Ambitu tad-delegazzjoni

1.   Deċiżjoni dwar kompetenza u idoneità m'għandhiex tiġi adotttata permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk l-entità taħt superviżjoni relevanti tkun waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

l-entità taħt superviżjoni fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti ta' grupp sinifikanti taħt superviżjoni;

(b)

l-istituzzjoni ta' kreditu bl-akbar valur totali ta' assi fi grupp sinifikanti taħt superviżjoni, jekk din l-entità tkun differenti minn dik imsemmija fil-punt (a);

(c)

entità sinifikanti taħt superviżjoni li ma tkunx parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni.

2.   deċiżjoni dwar kompetenza u idoneità m'għandhiex tiġi adottata permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk id-deċiżjoni dwar kompetenza u idoneità:

(a)

tiddikjara li l-membru ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità; jew

(b)

tkun tinkludi kundizzjonijiet, ħlief jekk dawk il-kundizzjonijiet ikunu neċessarji biex jiġi żgurat li l-membru jissodisfa r-rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità u jkunu ġew miftiehma bil-miktub.

3.   deċiżjoni dwar kompetenza u idoneità m'għandhiex tiġi adottata permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk, fuq il-bażi tal-informazzjoni sottomessa lill-BĊE:

(a)

il-membru attwalment ikun soġġett għal proċeduri kriminali quddiem qorti jew ikun instab ħati ta' reat kriminali fl-ewwel jew fl-aħħar istanza; jew

(b)

investigazzjoni tkun twettqet jew tkun qiegħda titmexxa fir-rigward tal-membru għal nuqqas ta' konfirmità ma' xi leġiżlazzjoni dwar servizzi finanzjarji jew dispożizzjonijiet regolatorji, jew inkella jekk azzjoni ta' infurzar jew sanzjoni amministrattiva tkun pendenti kontrih jew tkun ġiet imposta fuqu.

4.   Deċiżjoni dwar kompetenza u idoneità m'għandhiex tiġi adottata permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk:

(a)

l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tissottometix lill-BĊE abbozz ta' deċiżjoni ddelegata 20 jum ta' xogħol qabel ma tiskadi l-iskadenza għall-adozzjoni ta' deċiżjoni dwar kompetenza u idoneità taħt il-liġi applikabbli; jew

(b)

informazzjoni insuffiċjenti jew il-kumplessità tal-evalwazzjoni jkunu jeħtieġu li d-deċiżjoni dwar kompetenza u idoneità tiġi adottata taħt il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni.

5.   Meta, skont il-paragrafi 1 sa 4, deċiżjoni dwar kompetenza u idoneità ma jistgħux jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata, din għandha tiġi adottata skont il-liġi applikabbli u l-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni.

6.   Għall-finijiet tal-paragrafi 2 sa 4, jekk l-evalwazzjoni tar-rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità tkun tikkonċerna aktar minn membru wieħed ta' korp ta' ġestjoni u deċiżjoni ma tkunx tista' tiġi adottata permezz ta' deċiżjoni ddelegata fir-rigward ta' wieħed jew aktar minnhom, l-evalwazzjoni għandha tirriżulta f'żewġ deċiżjonijiet dwar kompetenza u idoneità. Deċiżjoni waħda għandha tiġi adottata skont il-liġi applikabbli u l-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni, u l-oħra permezz ta' deċiżjoni ddelegata.

Artikolu 4

Evalwazzjoni tal-kompetenza u l-idoneità

L-evalwazzjoni tar-rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità għandha titwettaq skont il-liġi applikabbli waqt li tqis il-Gwida dwar evalwazzjonijiet tal-kompetenza u l-idoneità (kapitlu dwar il-kriterji tal-evalwazzjoni) li jkopri l-kriterji li ġejjin:

(a)

L-esperjenza. Il-membru għandu jkollu biżżejed għarfien, ħiliet u esperjenza biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu.

(b)

Ir-reputazzjoni. Il-membru għandu f'kull ħin ikollu reputazzjoni tajba biżżejjed biex jiżgura ġestjoni soda u prudenti tal-entità taħt superviżjoni. Il-prinċipju tal-proporzjonalità m'għandux japplika għall-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tajba.

(c)

Kunflitti ta' interess potenzjali u indipendenza mentali. Il-membru għandu jkollu l-kapaċità li jaġixxi b'mod indipendenti. L-evalwazzjoni ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali għandha tinkludi evalwazzjoni tal-arranġamenti ta' governanza tal-entità taħt superviżjoni għall-iżvelar, il-mitigazzjoni, il-ġestjoni jew il-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interessi.

(d)

L-impenn ta' ħin. Il-membru għandu jkun kapaċi jiddedika biżżejjed ħin għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu fi ħdan l-entità taħt superviżjoni. L-evalwazzjoni tista' tkun affettwata minn bosta fatturi, bħan-numru ta' direttorati li jkollu kull membru, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-entità taħt superviżjoni, u impenji relevanti oħrajn.

(e)

Idoneità kollettiva. Il-membru jiġi evalwat fir-rigward tar-rekwiżit tal-idoneità kollettiva fil-mument tal-evalwazzjoni tal-kompetenza u l-idoneità kollettiva, waqt li titqies is-superviżjoni kontinwa tal-governanza tal-entità taħt superviżjoni, kif ukoll l-awtoevalwazzjoni tal-korp ta' ġestjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-kompoizzjoni tiegħu u l-ħtiġijiet ta' idoneità kollettivi.

Artikolu 5

Dispożizzjoni tranżitorja

Din id-deċiżjoni m'għandhiex tapplika għal proposti għal deċiżjoni kompetenti u idonea sottomessa minn awtorità nazzjonali kompetenti lill-BĊE qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta' Novembru 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Ara l-paġna 14 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma' awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(5)  Ir-Regolament (UE) nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(6)  Il-Linji Gwida ABE/GL/2012/06 tal-Awtorità Bankarja Ewropea tat-22 ta' Novembru 2012 dwar l-evalwazzjoni tal-idoneità tal-membri tal-korp ta' ġestjoni u detenturi ta' funzjonijiet essenzjali.

(7)  Is-Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Settembru 1986, AKZO Chemie BV u AKZO Chemie UK Ltd vs Il-Kummissjoni, 5/85, ECLI:EU:C:1986:328, punt 37, u tas-26 ta' Mejju 2005, Carmine Salvatore Tralli vs Il-BĊE, C-301/02 P, ECLI:EU:C:2005:306, punt 59.

(8)  Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).


Top