EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0041(01)

Deċiżjoni (UE) 2017/934 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar id-delegazzjoni ta' deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza ta' entitajiet taħt superviżjoni (BĊE/2016/41)

OJ L 141, 1.6.2017, p. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/09/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/934/oj

1.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/18


DEĊIŻJONI (UE) 2017/934 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta' Novembru 2016

dwar id-delegazzjoni ta' deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza ta' entitajiet taħt superviżjoni (BĊE/2016/41)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jistabbilixxi l-kriterji għal istituzzjoni ta' kreditu, kumpannija holding finanzjarja jew kumpannija holding finanzjarja mħallta biex tiġi kklassifikata bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni. Il-kriterji biex tiġi ddeterminata s-sinifikanza huma speċifikati f'aktar dettall fil-Parti IV tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (3).

(2)

Skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), entità taħt superviżjoni titqies bħala sinifikanti jekk il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jiddetermina dan f'deċiżjoni indirizzata lill-entità taħt superviżjoni relevanti. Skont l-Artikolu 40 ta' dak ir-Regolament, jekk entità jew entitajiet taħt superviżjoni jkunu parti minn grupp taħt superviżjoni, il-kriterji biex tiġi ddeterminata s-sinifikanza jiġu ddeterminati fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni fi ħdan Stati Membri parteċipanti u kull entità taħt superviżjoni titqies bħala sinifikanti skont dawk il-kriterji.

(3)

Skont l-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), il-BĊE jista' jirrevedi, f'kull ħin wara li jirċievi informazzjoni relevanti, jekk il-kriterji għas-sinifikanza humiex sodisfatti.

(4)

Deċiżjonijiet ġodda dwar is-sinifikanza għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. L-adozzjoni ta' emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u tal-Parti III, Titolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).

(5)

Emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza li ma tibqax tikklassifika entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni bħala sinifikanti m'għandhiex tittieħed permezz ta' deċiżjoni ddelegata meta tkun ibbażata fuq l-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).

(6)

Kull sena, il-BĊE, bħala l-awtorità kompetenti għall-entitajiet sinifikanti kollha taħt supervijoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, huwa meħtieġ li jadotta għadd sostanzjali ta' deċiżjonijiet li jemendaw deċiżjonijiet eżistenti dwar is-sinifikanza. Sabiex il-korpi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu jkunu jistgħu jiffunzjonaw, deċiżjoni ta' delega hija meħtieġa b'rabta mal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet li jemendaw deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) irrikonoxxiet li d-delega ta' awtorità hija meħtieġa biex tippermetti lil istituzzjoni li tkun meħtieġa tadotta numru konsiderevoli ta' deċiżjonijiet biex twettaq dmirijietha. B'mod simili, il-QĠUE rrikonoxxiet il-ħtieġa li tiżgura li korpi li jieħdu deċiżjonijiet ikunu kapaċi jiffunzjonaw bħala prinċipju inerenti fis-sistemi istituzzjonali kollha (4). Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet b'rabta mal-adozzjoni ta' emenda ta' deċiżjoni dwar is-sinifikanza, hija meħtieġa deċiżjoni ta' delega.

(7)

Id-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għandha tkun limitata, proporzjonata u bbażata fuq kriterji speċifikati. Waqt li deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza ta' grupp taħt superviżjoni jinkludu lista tal-entitajiet li huma inklużi fi ħdan l-ambitu tal-grupp sinifikanti taħt superviżjoni, dawk il-kriterji speċifikati għandhom jirreferu għal emenda għall-kompożizzjoni ta' grupp sinifikanti taħt superviżjoni jew bidla fl-isem ta' entità sinifikanti taħt superviżjoni li għandha tkun iġġustifikata u tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità.

(8)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40) tiċċara l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet superviorji speċifiċi u l-persuni li lilhom jistgħu jiġu ddelegati setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Dik id-Deċiżjoni ma taffettwax l-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tal-BĊE u hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Bord Superviżorju li jipproponi abbozzi ta' deċiżjonijiet kompluti lill-Kunsill Governattiv.

(9)

Meta l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjoni ddelegata, kif stipulat f'din id-Deċiżjoni, ma jiġux sodisfatti, l-emendi għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni stipulata fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 13 g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2 (5). Id-Deċiżjoni m'għandhiex taffettwa t-twettiq tal-kompiti superviżorji tal-BĊE u għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Bord Superviżorju biex jipproponi abbozz ta' deċiżjonijiet kompluti lill-Kunsill Governattiv.

(10)

Id-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE jistgħu jkunu soġġetti għal rieżami amministrattiv skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u kif speċifikat ulterjorment fid-Deċiżjoni BĊE/2014/16 (6). Fil-każ ta' tali rieżami amministrattiv, il-Bord Superviżorju għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta' Reviżjoni u jissottometti abbozz ta' deċiżjoni ġdida lill-Kunsill Governattiv għal adozzjoni taħt il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“emenda għal deċiżjoni dwar sinifikanza” tfisser deċiżjoni adottata skont rieżami tas-sinifikanza skont l-Artikoli 43(3) jew 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), li temenda jew tħassar deċiżjoni tal-BĊE li tkun ikklassifikat entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni bħala sinifikanti għall-finijiet tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(2)

“Stat Membru parteċipanti” għandu jkollu l-istess tifsira mogħtija fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(3)

“entità sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

(4)

“entità taħt superviżjoni” tfisser entità taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (20) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

(5)

“grupp taħt superviżjoni” tfisser grupp taħt superviżjoni kif iddefinit fil-punt (21) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

(6)

“grupp sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser grupp sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinit fil-punt (22) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

(7)

“deċiżjoni ddelegata” tfisser deċiżjoni meħuda fuq il-bażi ta' delegazzjoni tas-setgħat mill-Kunsill Governattiv skont id-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40);

(8)

“kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma” tfisser il-kapijiet tal-unitajiet ta' ħidma tal-BĊE li lilhom tiġi ddelegata s-setgħa li jadottaw emendi għal deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza.

Artikolu 2

Delegazzjoni ta' emendi għal deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza

1.   Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40), il-Kunsill Governattiv bil-preżenti jiddelega l-adozzjoni ta' emendi għal deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza lill-kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma nnominati mill-Bord Eżekuttiv skont l-Artikolu 5 ta' dik id-Deċiżjoni.

2.   Emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza għandha tiġi adottata biss permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk il-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati, kif stipulat fl-Artikolu 3, jiġu sodisfatti.

Artikolu 3

Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati

1.   Emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza li tikklassifika entità taħt superviżjoni bħala sinifikanti fi ħdan grupp sinifikanti taħt superviżjoni għandha tittieħed permezz ta' deċiżjoni ddelegata fejn il-kriterji biex tiġi ddeterminata s-sinifikanza fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni fi ħdan Stati Membri parteċipanti skont id-dispożizzjonijiet stipulati fil-Parti IV tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) ikomplu jkunu sodisfatti għall-grupp sinifikanti taħt superviżjoni.

2.   Emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza li ma tibqax tikklassifika entità taħt superviżjoni bħala sinifikanti fi ħdan grupp sinifikanti taħt superviżjoni għandha tittieħed permezz ta' deċiżjoni ddelegata meta l-kriterji biex tiġi ddeterminata s-sinifikanza fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni fi ħdan Stati Membri parteċipanti skont id-dispożizzjonijiet stipulati fil-Parti IV tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) ikomplu jkunu sodisfatti għall-grupp sinifikanti taħt superviżjoni, għalkemm l-entità taħt superviżjoni tkun waqfet tkun parti minn dak il-grupp.

3.   Emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza li ma tibqax tikklassifika bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni għandha tittieħed permezz ta' deċiżjoni ddelegata biss meta l-kriterji biex tiġi ddeterminata ssinifikanza fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni fi ħdan Stati Membri parteċipanti skont id-dispożizzjonijiet stipulati fil-Parti IV tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) ma jkunux għadhom sodisfatti.

4.   Emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza li tbiddel l-isem ta' entità sinifikanti taħt superviżjoni għandha tittieħed permezz ta' deċiżjoni ddelegata meta ebda informazzjoni addizzjonali relevanti għall-klassifikazzjoni tal-entità taħt superviżjoni ma tkun ġiet ikkomunikata lill-BĊE.

5.   Emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza m'għandhiex tittieħed permezz ta' deċiżjoni ddelegata meta l-entità taħt superviżjoni relevanti jew il-grupp taħt superviżjoni jkunu ġew ikklassifikati bħala sinifikanti skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).

6.   Emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza m'għandhiex tittieħed permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk il-BĊE jirċievi sottomissjoni bil-miktub li tisfida l-klassifikazzjoni ta' entità taħt superviżjoni bħala sinifikanti jew inqas sinifikanti.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta' Novembru 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Ara l-paġna 14 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17).(ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(4)  Is-Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Settembru 1986, AKZO Chemie BV u AKZO Chemie UK Ltd vs Il-Kummissjoni, 5/85, ECLI:EU:C:1986:328, punt 37, u tas-26 ta' Mejju 2005, Carmine Salvatore Tralli vs Il-BĊE, C-301/02 P, ECLI:EU:C:2005:306, punt 59.

(5)  Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).

(6)  Id-Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-14 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU L 175, 14.6.2014, p. 47).


Top