EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0017

Deċiżjoni (UE) 2017/937 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Mejju 2017 li tinnomina kapijiet ta' unità ta' ħidma biex jadottaw deċiżjonijiet iddelegati dwar is-sinifikanza ta' entitajiet taħt superviżjoni (BĊE/2017/17)

OJ L 141, 1.6.2017, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2020; Imħassar b' 32020D1332

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/937/oj

1.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/28


DEĊIŻJONI (UE) 2017/937 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-23 ta' Mejju 2017

li tinnomina kapijiet ta' unità ta' ħidma biex jadottaw deċiżjonijiet iddelegati dwar is-sinifikanza ta' entitajiet taħt superviżjoni (BĊE/2017/17)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 11.6 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar il-qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40)] (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 4 u 5 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/934 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar id-delegazzjoni ta' deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza ta' entitajiet taħt superviżjoni (BĊE/2016/41) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi indirizzat in-numru konsiderevoli ta' deċiżjonijiet li l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jadotta għat-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu, ġiet stabbilita proċedura għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati speċifiċi.

(2)

Deċiżjoni ta' delegazzjoni hija effettiva mal-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Bord Eżekuttiv li tinnomina kap jew kapijiet ta' unità ta' ħidma biex jieħdu deċiżjonijiet fuq il-bażi ta' deċiżjoni ta' delegazzjoni.

(3)

L-importanza tad-deċiżjoni ta' delegazzjoni u n-numru ta' destinatarji li lilhom ikollhom jintbagħtu deċiżjonijiet iddelegati għandhom jitqiesu mill-Bord Eżekuttivekuttiv fin-nominazzjoni ta' kapijiet ta' unità ta' ħidma.

(4)

Il-Presidenza tal-Bord Superviżorju ġiet ikkonsultata dwar il-kapijiet tal-unità ta' ħidma li lilhom għandhom tiġi ddelegata s-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza tal-entitajiet taħt superviżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Deċiżjonijiet iddelegati li jikklassifikaw jew jieqfu jikklassifikaw entità taħt superviżjoni bħala sinifikanti fi ħdan grupp sinifikanti taħt superviżjoni jew li jbiddlu l-isem ta' entità sinifikanti taħt superviżjoni

Deċiżjonijiet iddelegati skont l-Artikolu 3(1), (2) jew (4) tad-Deċiżjoni (UE) 2017/934 (BĊE/2016/41) għandhom jiġu adottati minn wieħed mill-kapijiet li ġejjin ta' unità ta' ħidma:

(a)

Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali I, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp relevanti taħt superviżjoni titwettaq mid-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali I;

(b)

id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Superviżjoni Mikroprudenzjali II, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp relevanti taħt superviżjoni titwettaq mid-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali II; jew

(c)

jekk Direttur Ġenerali ma jkunx disponibbli, il-Viċi Direttur Ġenerali tagħhom.

Artikolu 2

Deċiżjonijiet iddelegati li ma jibqgħux jikklassifikaw entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni bħala sinifikanti

Deċiżjonijiet iddelegati skont l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni (UE) 2017/934 (BĊE/2016/41) għandhom jiġu adottati mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali III, jekk id-Direttur Ġenerali ma jkunx disponibbli, il-Viċi Direttur Ġenerali, u wieħed mill-kapijiet li ġejjin ta' unità ta' ħidma:

(a)

Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali I, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp relevanti taħt superviżjoni titwettaq mid-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali I;

(b)

id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali II, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp relevanti taħt superviżjoni titwettaq mid-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali II; jew

(c)

jekk Direttur Ġenerali ma jkunx disponibbli, il-Viċi Direttur Ġenerali tagħhom.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-23 ta' Mejju 2017.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Ara paġna 14 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Ara paġna 18 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.


Top