EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02014R1163-20200101

Consolidated text: Regolament (UE) Nru 1163/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar it-tariffi superviżorji (BĊE/2014/41)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1163/2020-01-01

02014R1163 — MT — 01.01.2020 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) Nru 1163/2014 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-22 ta' Ottubru 2014

dwar it-tariffi superviżorji

(BĊE/2014/41)

(ĠU L 311 31.10.2014, p. 23)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2019/2155 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tal-5 ta’ Diċembru 2019

  L 327

70

17.12.2019


Ikkoreġut bi:

 C1

Rettifika, ĠU L 330, 20.12.2019, p.  106 (2019/2155)




▼B

REGOLAMENT (UE) Nru 1163/2014 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-22 ta' Ottubru 2014

dwar it-tariffi superviżorji

(BĊE/2014/41)



PARTI I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

(a) 

l-arranġamenti għall-kalkolu tal-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali li għandhom jiġu imposti fir-rigward ta' entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni;

(b) 

il-metodoloġija u l-kriterji għall-kalkolu tat-tariffa superviżorja annwali mġarrba minn kull entità taħt superviżjoni u grupp taħt superviżjoni;

(c) 

il-proċedura għall-ġbir mill-BĊE tat-tariffi superviżorji annwali;

2.  L-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali għandu jinkludi t-tariffa superviżorja annwali fir-rigward ta' kull entità jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni u kull entità jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni u għandu jiġi kkalkulat mill-BĊE fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni ġewwa Stati Membri parteċipanti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li hemm fir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u r-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), sakemm ma jiġix stabbilit mod ieħor, flimkien mad-definizzjonijiet li ġejjin:

1. 

“tariffa superviżorja annwali” tfisser it-tariffa li titħallas fir-rigward ta' kull entità taħt superviżjoni u kull grupp taħt superviżjoni, kif ikkalkulata skont l-arranġamenti stabbiliti fl-Artikolu 10(6);

2. 

“kosti annwali” tfisser l-ammont, kif iddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5, li għandu jiġi rkuprat permezz tat-tariffi superviżorji annwali għal perijodu tariffarju speċifiku;

3. 

“debitur tariffarju” tfisser l-istituzzjoni ta' kreditu li tħallas tariffa jew fergħa li tħallas tariffa iddeterminata skont l-Artikolu 4 u li lilha jkun indirizzat l-avviż tariffarju;

4. 

“fatturi tariffarji” tfisser id-dejta relata ma' entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni definita fl-Artikolu 10(3)(a) li jintużaw biex tiġi kkalkulata t-tariffa superviżorja annwali;

5. 

“avviż tariffarju” tfisser kull avviż li jispeċifika t-tariffa superviżorja annwali li titħallas minn u tinħareġ lid-debitur tariffarju rilevanti skont dan ir-Regolament;

6. 

“istituzzjoni ta' kreditu li tħallas tariffa” tfisser kull istituzzjoni ta' kreditu stabbilita fi Stat Membru parteċipanti;

7. 

“fergħa li tħallas tariffa” tfisser kull fergħa ta' istituzzjoni ta' kreditu stabbilita fi Stat Membru parteċipanti minn istituzzjoni ta' kreditu stabbilita fi Stat Membru mhux parteċipanti;

8. 

“perijodu tariffarju” tfisser sena kalendarja;

▼M1 —————

▼B

10. 

“grupp ta' entitajiet li jħallsu tariffa” tfisser (i) grupp taħt supervizjoni u (ii) numru ta' fergħat li jħallsu t-tariffi li jitqiesu bħala fergħa waħda skont l-Artikolu 3(3);.

11. 

“Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni;

▼M1

12. 

assi totali tfisser:

(a) 

għal grupp taħt superviżjoni, il-valur totali tal-assi kif iddeterminat skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), minbarra l-assi ta’ sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor minn grupp taħt superviżjoni skont l-Artikolu 10(3)(c);

(b) 

għal fergħa li tħallas tariffa, il-valur totali tal-assi kif irrappurtat għal finijiet prudenzjali. Meta l-valur totali tal-assi ma jkunx meħtieġ li jiġi rrappurtat għal finijiet prudenzjali, l-assi totali tfisser il-valur totali tal-assi kif iddeterminat fuq il-bażi tal-kontijiet annwali awditjati l-aktar reċenti mħejjija skont l-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju (IFRS) kif applikabbli fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) u, jekk dawk il-kontijiet annwali ma jkunux disponibbli, il-kontijiet annwali mħejjija skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli dwar il-kontabilità. Għall-fergħat li jħallsu tariffa li ma jħejjux kontijiet annwali, l-assi totali tfisser il-valur totali tal-assi kif iddeterminat skont l-Artikolu 51(5) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

(c) 

għal żewġ fergħat jew aktar li jħallsu tariffa li huma meqjusa bħala fergħa waħda skont l-Artikolu 3(3), is-somma tal-valur totali tal-assi kif iddeterminat għal kull fergħa li tħallas tariffa rispettivament;

(d) 

fil-każijiet l-oħrajn kollha, il-valur tal-assi totali kif iddeterminat skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

13. 

skopertura tar-riskju totali tfisser:

(a) 

għal grupp taħt superviżjoni, l-ammont kif iddeterminat fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti u kkalkulat skont l-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), minbarra l-ammont ta’ iskopertura tar-riskju ta’ sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor minn grupp taħt superviżjoni skont l-Artikolu 10(3)(c);

(b) 

għal fergħa li tħallas tariffa, jew żewġ fergħat jew aktar li jħallsu tariffa li huma meqjusa bħala fergħa waħda skont l-Artikolu 3(3), żero;

(c) 

fil-każijiet l-oħrajn kollha, l-ammont kif ikkalkulat skont l-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

▼B

Artikolu 3

Obbligu ġenerali li titħallas it-tariffa superviżorja annwali

1.  Il-BĊE għandu jimponi tariffa superviżorja annwali fir-rigward ta' kull entità taħt superviżjoni u kull grupp taħt superviżjoni għal kull perijodu tariffarju.

2.  It-tariffa superviżorja annwali għal kull entità taħt superviżjoni u grupp taħt superviżjoni għandha tkun speċifikata f'avviż tat-tariffa maħruġa lil u pagabbli mid-debitur tat-tariffa. Id-debitur tariffarju għandu jkun id-destinatarju tal-avviż tat-tariffa u ta' kull avviż jew komunikazzjoni mill-BĊE fir-rigward ta' tariffi superviżorji. Id-debitur tariffarju għandu jkun responsabbli għall-ħlas tat-tariffa superviżorja annwali.

3.  Żewġ fergħat jew aktar li jħallsu tariffa li huma stabbiliti mill- istess istituzzjoni ta' fl-istess Stat Membru parteċipanti jitqiesu bħala fergħa waħda. Fergħat tal-istess istituzzjoni ta' kreditu li jħallsu tariffa u li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti differenti ma jitqiesux bħala fergħa waħda.

4.  Fergħat li jħallsu tariffa għandhom jitqiesu bħala separati minn sussidjarji tal-istess istituzzjoni ta' kreditu stabbiliti fl-istess Stat Membru parteċipanti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Debitur tariffarju

1.  Id-debitur tariffarju fir-rigward tat-tariffa superviżorja annwali huwa:

(a) 

l-istituzzjoni ta' kreditu li tħallas tariffa, fil-każ ta' istituzzjoni ta' kreditu li tħallas tariffa li mhijiex parti minn grupp taħt superviżjoni;

(b) 

il-fergħa li tħallas tariffa, fil-każ ta' fergħa li tħallas tariffa li mhijiex ikkombinata ma' fergħa oħra li tħallas tariffa;

▼M1

(c) 

iddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, fil-każ ta’ grupp ta’ entitajiet li jħallsu tariffa.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti fi ħdan grupp ta’ entitajiet li jħallsu tariffa fir-rigward tal-allokazzjoni tal-ispejjeż, grupp ta’ entitajiet li jħallsu tariffa għandhom jiġu trattati bħala debitur tariffarju wieħed. Kull grupp ta’ entitajiet li jħallsu tariffa għandu jinnomina d-debitur tariffarju għall-grupp kollu u għandu jinnotifika l-identità tad-debitur tariffarju lill-BĊE. Id-debitur tariffarju għandu jiġi stabbilit fi Stat Membru parteċipanti. Din in-notifika għandha tkun ikkunsidrata valida biss jekk:

(a) 

issemmi l-isem tal-grupp kopert bin-notifika;

(b) 

tiġi ffirmata mid-debitur tariffarju f’isem l-entitajiet kollha taħt superviżjoni tal-grupp;

(c) 

tasal għand il-BĊE sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru ta’ kull sena, sabiex titqies għall-ħruġ tal-avviż tariffarju fir-rigward ta’ dak il-perijodu tariffarju.

Jekk iktar minn notifika waħda għal kull grupp ta’ entitajiet li jħallsu tariffa tasal fil-ħin għand il-BĊE, għandha tipprevali l-aħħar notifika rċevuta mill-BĊE sat-30 ta’ Settembru. Jekk entità taħt superviżjoni ssir parti mill-grupp taħt superviżjoni wara li l-BĊE ikun irċieva notifika valida mingħand id-debitur tariffarju, sakemm il-BĊE ma jkunx infurmat mod ieħor bil-miktub, dik in-notifika titqies li ġiet iffirmata wkoll f’isimha.

▼B

3.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-BĊE jirriżerva d-dritt li jiddetermina d-debitur tariffarju.



PARTI II

NEFQA U KOSTI

Artikolu 5

Kosti annwali

1.  Il-kosti annwali għandhom ikunu l-bażi għad-determinazzjoni tat-tariffi superviżorji annwali u għandhom jiġu rkuprati permezz tal-ħlas ta' dawk it-tariffi superviżorji annwali.

2.  L-ammont tal-kosti annwali għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-ammont tan-nefqa annwali li tikkonsisti minn kwalunkwe spejjeż imġarrbin mill-BĊE fil-perijodu tariffarju rilevanti li hija relatata direttament jew indirettament mal-kompiti superviżorji tiegħu.

▼M1 —————

▼B

3.  Fid-determinazzjoni tal-kosti annwali, il-BĊE għandu jqis:

(a) 

kwalunkwe ammont tariffarju relatat mal-perijodi tariffarji preċedenti li ma setgħux jinġabru;

(b) 

kwalunkwe ħlas ta' imgħaxijiet irċevut skont l-Artikolu 14;

(c) 

kwalunkwe ammont irċevut jew rifuż skont l-Artikolu 7(3).

▼M1

4.  Fi żmien erba’ xhur mit-tmiem ta’ kull perijodu tariffarju, l-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali għal kull kategorija ta’ entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni għal dak il-perijodu tariffarju għandu jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-BĊE.

▼M1 —————

▼B



PARTI III

DETERMINAZZJONI TAT-TARIFFA SUPERVIŻORJA ANNWALI

Artikolu 7

▼M1

Entitajiet taħt superviżjoni ġodda, entitajiet li m’għadhomx taħt superviżjoni jew bidla fl-istatus

▼B

1.  Meta entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni jkunu taħt superviżjoni għal parti mill-perijodu tariffarju biss, it-tariffa superviżorja annwali għandha tiġi kkalkulata b'referenza għan-numru ta' xhur sħaħ tal-perijodu tariffarju li għalih l-entità taħt superviżjoni jew il-grupp taħt superviżjoni jkunu taħt superviżjoni.

▼M1

2.  Meta, wara deċiżjoni tal-BĊE f’dak is-sens, il-BĊE jassumi s-superviżjoni diretta ta’ entità taħt superviżjoni jew ta’ grupp taħt superviżjoni skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), jew is-superviżjoni diretta ta’ entità taħt superviżjoni jew ta’ grupp taħt superviżjoni mill-BĊE tintemm skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), it-tariffa superviżjorja annwali għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi tan-numru ta’ xhur li matulhom l-entità taħt superviżjoni jew il-grupp taħt superviżjoni kienu taħt superviżjoni diretta jew indiretta mill-BĊE fl-aħħar jum tax-xahar.

▼B

3.  Fejn l-ammont tat-tariffa superviżorja annwali imposta jiddevja mill-ammont tat-tariffa kkalkulata skont il-paragrafi 1 jew 2, għandha titħallas rifużjoni lid-debitur tariffarju, jew għandha tinħareġ fattura addizzjonali mill-BĊE li għandha titħallas mid-debitur tariffarju.

Artikolu 8

Qsim ta' kosti annwali bejn entitajiet sinifikanti u inqas sinifikanti taħt superviżjoni

1.  Sabiex tiġi kkalkulata t-tariffa superviżorja annwali li titħallas fir-rigward ta' kull entità taħt superviżjoni u grupp taħt superviżjoni l-kosti annwali għandhom jinqasmu f'żewġ partijiet, waħda għal kull kategorija ta' entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni, skont kif ġej:

(a) 

il-kosti annwali li jiġu rkuprati minn entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni;

(b) 

il-kosti annwali li jiġu rkuprati minn entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni;

2.  Il-qsim ta' kosti annwali skont il-paragrafu 1 għandu jsir fuq il-bażi tal-kosti allokati lill-funzjonijiet relevanti li jwettqu s-superviżjoni diretta ta' entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u s-superviżjoni indiretta ta' entitajiet inqas sinifkanti taħt superviżjoni.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 10

Tariffa superviżorja annwali li titħallas fir-rigward ta' entitajiet taħt superviżjoni jew gruppi taħt superviżjoni

1.  It-tariffa superviżorja annwali li titħallas fir-rigward ta' kull entità sinifkanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni għandha tiġi ddeterminata bl-allokazzjoni tal-ammont li għandu jiġi impost fuq il-kategorija ta' entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni lill-entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni individwali u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni fuq il-bażi tal-fatturi tariffarji tagħhom.

2.  It-tariffa superviżorja annwali li titħallas fir-rigward ta' kull entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni u grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni għandha tiġi ddeterminata bl-allokazzjoni tal-entitajiet inqas sinifikanti individwali taħt superviżjoni u l-gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni fuq il-bażi tal-fatturi tariffarji tagħhom.

3.  Il-fatturi tariffarji fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni ġewwa l-Istati Membri parteċipanti għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi li ġejja.

▼M1

(a) 

Il-fatturi tariffarji użati għad-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja annwali li titħallas fir-rigward ta’ kull entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni għandhom ikunu l-ammont fid-data ta’ referenza ta’:

(i) 

assi totali; u

(ii) 

iskopertura tar-riskju totali.

▼M1 —————

▼M1

(ba) 

Il-fatturi tariffarji għandhom ikunu ddeterminati għal kull perijodu tariffarju fuq il-bażi tad-dejta rrappurtata mill-entitajiet taħt superviżjoni għal finijiet prudenzjali b’data ta’ referenza tal-31 ta’ Diċembru tal-perijodu tariffarju preċedenti.

(bb) 

Meta entità taħt superviżjoni tħejji l-kontijiet annwali, inklużi l-kontijiet annwali konsolidati, ibbażati fuq sena tal-kontabilità li tvarja mis-sena kalendarja, id-data ta’ referenza għall-assi totali għandha tkun it-tmiem tas-sena tal-kontabilità li jikkorrispondi għall-perijodu tariffarju preċedenti.

(bc) 

Meta entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni jiġi stabbilit wara d-data ta’ referenza rilevanti speċifikata fil-punti (ba) jew (bb) iżda qabel l-1 ta’ Ottubru tal-perijodu tariffarju li għalih it-tariffa hija ddeterminata u għaldaqstant ma jeżistux fatturi tariffarji b’dik id-data ta’ referenza, id-data ta’ referenza għall-fatturi tariffarji għandha tkun it-tmiem tal-kwart l-eqreb għad-data ta’ referenza rilevanti speċifikata fil-punti (ba) jew (bb).

(bd) 

Għal entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni li mhumiex soġġetti għar-rappurtar obbligatorju għal finijiet prudenzjali jew gruppi taħt superviżjoni li jeskludu assi u/jew l-ammont ta’ skopertura tar-riskju ta’ sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi skont il-punt (c), il-fatturi tariffarji għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi tal-informazzjoni rrappurtata minnhom b’mod separat għall-fini tal-kalkolu tat-tariffa superviżorja. Il-fatturi tariffarji għandhom jiġu sottomessi lill-ANK ikkonċernata bid-data ta’ referenza rilevanti kif iddeterminata taħt il-punti (ba), (bb) jew (bc) skont deċiżjoni tal-BĊE.

▼M1

(c) 

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-fatturi tariffarji, gruppi taħt superviżjoni għandhom — bħala regola — jeskludu l-ammont ta’ assi u ta’ skopertura tar-riskju ta’ sussidjarji li jinsabu fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi. Gruppi taħt superviżjoni jistgħu jiddeċiedu li ma jeskludux dawn l-assi u/jew l-ammont ta’ skopertura għar-riskju għad-determinazzjoni tal-fatturi tariffarji.

▼B

(d) 

Għal entitajiet taħt superviżjoni jew gruppi taħt superviżjoni kklassifikati bħala anqas sinifikanti fuq il-bażi tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-fattur tariffarju tal-assi totali ma għandux jeċċedi EUR 30 biljun.

(e) 

Il-ponderazzjoni relattiva użata fir-rigward tal-fatturi tariffarji għandha tkun:

(i) 

assi totali: 50 %;

(ii) 

espożizzjoni totali għar-riskju: 50 %.

▼M1

4.  Is-somma tal-assi totali tad-debituri tariffarji u s-somma tal-iskopertura tar-riskju totali tad-debituri tariffarji għandhom ikunu ppubblikati fuq il-websajt tal-BĊE.

5.  F’każ li debitur tariffarju jonqos milli jipprovdi l-fatturi tariffarji, il-BĊE għandu jiddetermina l-fatturi tariffarji skont deċiżjoni tal-BĊE.

▼B

6.  Il-kalkolu tat-tariffa superviżorja annwali li għandha titħallas minn kull debitur tariffarju għandu jsir kif spjegat hawn isfel.

(a) 

It-tariffa superviżorja annwali hija s-somma tal-komponent tat-tariffa minima u l-komponent tat-tariffa varjabbli.

▼M1

(b) 

Il-komponent tat-tariffa minima huwa kkalkolat bħala perċentwali fissa tal-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali għal kull kategorija ta’ entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni, kif iddeterminat skont l-Artikolu 8.

(i) 

Għall-kategorija ta’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni, il-perċentwali fiss huwa ta’ 10 %. Dan l-ammont jinqasam b’mod indaqs fost id-debituri tariffarji kollha. Għal entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi sinifikanti that superviżjoni b’assi totali ta’ EUR 10 biljun jew inqas, il-komponent tat-tariffa minima jinżel bin-nofs.

(ii) 

Għall-kategorija ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni, il-perċentwali fiss huwa ta’ 10 %. Dan l-ammont jinqasam b’mod indaqs fost d-debituri tariffarji kollha. Għal entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni b’assi totali ta’ EUR 1 biljun jew inqas, il-komponent tat-tariffa minima jinżel bin-nofs.

▼B

(c) 

Il-komponent tat-tariffa varjabbli huwa d-differenza bejn l-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali għal kull kategorija ta' entitajiet taħt superviżjoni, kif iddeterminat skont ►M1  l-Artikoli 8 ◄ u l-komponent tat-tariffa minima għall-istess kategorija. Il-komponent tat-tariffa varjabbli huwa allokat lil debituri tariffarji individwali f'kull kategorija skont is-sehem ta' kull debitur tariffarju fit-total tal-fatturi tariffarji pponderati tad-debituri tariffarji kif iddeterminat bis-saħħa tal-paragrafu 3.

▼M1

Fuq il-bażi tal-kalkolu mwettaq skont dan il-paragrafu u tal-fatturi tariffarji ddeterminati skont dan l-Artikolu, il-BĊE għandu jiddeċiedi dwar it-tariffa superviżorja annwali li għandha titħallas minn kull debitur tariffarju. It-tariffa superviżorja annwali li għandha titħallas għandha tiġi kkomunikata lid-debitur tariffarju permezz tal-avviż tariffarju.

▼B



PARTI IV

KOOPERAZZJONI MAL-NCAs

Artikolu 11

Kooperazzjoni mal-NCAs

1.  Il-BĊE għandu jikkomunika mal-NCAs qabel ma jiġi deċiż il-livell tat-tariffa finali biex jiġi żgurat li s-superviżjoni tibqa' effettiva meta mqabbla mal-kost u raġonevoli għall-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha u l-friegħi kkonċernati. Għal dan l-iskop, il-BĊE għandu jiżviluppa u jimplimenta mezz ta' komunikazzjoni xieraq f'kooperazzjoni mal-NCAs.

2.  L-NCAs għandhom jassistu lill-BĊE fl-impożizzjoni ta' tariffi jekk il-BĊE jitlob hekk.

3.  Fil-każ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu fi Stat Membru parteċipanti li mhuwiex taż-żona tal-euro li l-kooperazzjoni mill-qrib tagħhom mal-BĊE la hija sospiza u lanqas mitmuma, il-BĊE għandu joħroġ struzzjonijiet lill-NCA ta' dak l-Istat Membru dwar il-ġbir ta' fatturi tariffarji u l-ħruġ ta' fatturi tat-tariffa superviżorja annwali.



PARTI V

ĦRUĠ TA' FATTURI

Artikolu 12

Avviż tariffarju

▼M1

1.  Avviż tariffarju għandu jinħareġ kull sena mill-BĊE għal kull debitur tariffarju fi żmien sitt xhur mill-bidu tal-perijodu tariffarju sussegwenti.

▼B

2.  L-avviż tariffarju għandu jispeċifika l-mezzi li bihom għandha titħallas it-tariffa superviżorja annwali. Id-debitur tariffarju għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-avviż tariffarju fir-rigward tal-ħlas tat-tariffa superviżorja annwali.

3.  L-ammont dovut skont l-avviż tariffarju għandu jitħallas mid-debitur tariffarju fi żmien 35 jum mid-data tal-ħruġ tal-avviż tariffarju.

Artikolu 13

Notifika tal-avviż tariffarju

1.  Id-debitur tariffarju huwa responsabbli biex iżomm aġġornati d-dettalji ta' kuntatt għas-sottomissjoni tal-avviż tariffarju u għandu jikkomunika lill-BĊE kwalunkwe bidla fid-dettalji ta' kuntatt (jiġifieri l-isem, il-funzjoni, l-unità organizzattiva, l-indirizz u l-indirizz elettroniku, in-numru tat-telefon, in-numru tal-fax). ►M1  ————— ◄

2.  Il-BĊE għandu jinnotifika l-avviż tariffarju b'xi mezz minn dawn: (a) elettronikament jew b'mezzi ta' komunikazzjoni paragunabbli oħrajn, b) bil-fax, (c) bis-servizz ta' express courier, (d) bil-posta reġistrata b'forma ta' rikonoxximent, (e) b'notifika jew konsenja bl-id. L-avviż tariffarju huwa validu mingħajr firma.

Article 14

Imgħax fil-każ li ma jsirx ħlas

Mingħajr preġudizzju għal kull rimedju ieħor disponibbli għall-BĊE, fil-każ ta' ħlas parzjali, nuqqas ta' ħlas jew nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet għall-ħlas speċifikati fl-avviż tariffarju, l-imgħax għandu jakkumula fuq bażi ta' kuljum fuq l-ammont pendenti tat-tariffa superviżorja annwali b'rata ta' imgħax tar-rata ta' rifinanzjament ewlenija tal-BĊE miżjuda bi 8 punti perċentwali mid-data meta kien dovut il-ħlas.



PARTI VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Sanzjonijiet

Fil-każ li jkun hemm ksur ta' dan ir-Regolament, il-BĊE jista' jimponi sanzjonijiet fuq entitajiet taħt superviżjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 ( 3 ), ikkumplimentat bir-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17)

▼M1 —————

▼B

Artikolu 17

▼M1

Rappurtar

▼B

1.  Skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE għandu jissottometti rapport fuq l-evoluzzjoni prevista tal-istruttura u l-ammont tat-tariffi superviżorji annwali kull sena lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Grupp tal-Euro.

▼M1

2.  FI żmien erba’ xhur mill-bidu ta’ kull perijodu tariffarju, l-ammont stmat tal-kosti annwali għal dak il-perijodu tariffarju għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

▼M1

Artikolu 17a

Arranġamenti tranżitorji għall-perijodu tariffarju tal-2020

1.  It-tariffa superviżorja annwali li għandha titħallas fir-rigward ta’ kull entità taħt superviżjoni u kull grupp taħt superviżjoni għall-perijodu tariffarju tal-2020 għandha tkun speċifikata fl-avviż tariffarju maħruġ lid-debitur tariffarju rilevanti fl-2021.

2.  Kull eċċess jew defiċit mill-perijodu tariffarju tal-2019, iddeterminat billi jitnaqqsu l-kosti annwali attwali mġarrbin fir-rigward ta’ dak il-perijodu tariffarju mill-kosti annwali stmati li huma imposti f’dak il-perijodu tariffarju, għandu jitqies fid-determinazzjoni tal-kostijiet annwali għall-perijodu tariffarju tal-2020.

▼B

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.



( 1 ) Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1 – Edizzjoni speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Volum 029 p. 609-612).

( 2 ) Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta' Novembru 1998, dwar il-poter tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol.3, p. 19-22).

Top