Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Rilokazzjoni fiż-żona tal-euro

Il-BĊE huwa impenjat li jipprovdi informazzjoni lill-banek u lill-partijiet interessati dwar l-aspettattivi superviżorji tiegħu. Dan huwa speċjalment rilevanti fil-kuntest ta' Brexit: għall-banek taż-żona tal-euro b’attivitajiet fir-Renju Unit kif ukoll għal dawk il-banek li qed jirrilokaw l-attivitajiet bankarji fiż-żona tal-euro.

Proċeduri għar-rilokazzjoni ta’ banek fiż-żona tal-euro fil-kuntest ta’ Brexit

Hawnhekk, għandek issib xi mistoqsijiet frekwenti (FAQs) dwar ir-rwol tal-BĊE fis-superviżjoni tal-banek taż-żona tal-euro. It-temi jinkludu l-aspettattivi tal-BĊE rigward l-awtorizzazzjonijiet u l-liċenzji bankarji, il-governanza interna u l-ġestjoni tar-riskju – inklużi l-aspettattivi superviżorji dwar il-mudelli ta’ prenotazzjoni – mudelli interni fil-banek, u superviżjoni kontinwa.

Din il-paġna ġiet immodifikata l-aħħar f'Jannar 2021 biex tirrifletti t-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni ta' Brexit.

Il-kompetenzi għas-superviżjoni bankarja ġewwa ż-żona tal-euro

Minn jissorvelja l-banek fiż-żona tal-euro?

Fiż-żona tal-euro, is-superviżjoni bankarja titmexxa mill-BĊE u s-superviżuri nazzjonali tal-pajjiżi parteċipanti – magħrufa bħala l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali (AKN) – fil-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (SSM).

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet superviżorji tal-BĊE u s-superviżuri nazzjonali għall-banek fiż-żona tal-euro huma allokati abbażi tas-sinifikanza tal-entitajiet taħt superviżjoni.

  • Bank li jissodisfa sett ta’ kriterji ta’ sinifikanza (istituzzjoni sinifikanti (SI)), bħala regola ġenerali, ikun taħt superviżjoni direttament mill-BĊE.
  • Bank li ma jissodisfax dawn il-kriterji (istituzzjoni anqas sinifikanti (LSI)) ikun taħt superviżjoni direttament mis-superviżur nazzjonali tal-pajjiż fejn jinsab dak il-bank (Il-BĊE għandu rwol ta’ sorveljanza biex jiżgura l-konsistenza u l-kwalità ta’ superviżjoni fost dawn l-istituzzjonijiet u fis-sistema kollha).

Il-BĊE huwa esklussivament responsabbli għall-awtorizzazzjoni/l-irtirar tal-liċenzji għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha fil-pajjiżi li jipparteċipaw fl-MSU. Japprova wkoll l-akkwist ta’ holdings li jikkwalifikaw u proċeduri komuni oħra għal istituzzjonijiet ta’ kreditu bħal dawn fil-kuntest tar-Regolament MSU (ara wkoll it-Taqsima 3 "Awtorizzazzjonijiet u liċenzji biex iwettqu attivitajiet bankarji fiż-żona tal-euro" tal-FAQs).

Kriterji ta’ sinifikanza
Kif jaħdmu flimkien is-superviżuri taħt l-MSU?

L-MSU jikkonsisti fil-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti. Hija sistema ta’ superviżjoni bankarja kkoordinata fiż-żona tal-euro li għandha l-vantaġġ li tuża s-saħħa, l-esperjenza u l-kompetenza tal-BĊE u l-AKN. Il-BĊE huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tal-MSU u jħarsu, b’osservanza tal-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet superviżorji stipulati fir-Regolament MSU. Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effettiva u effiċjenti, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma kklassifikati bħala "sinifikanti" jew "inqas sinifikanti": il-BĊE jissorvelja direttament banek sinifikanti, filwaqt li l-AKN huma responsabbli biex jissorveljaw banek inqas sinifikanti.

L-AKN u l-BĊE jaħdmu flimkien mill-qrib fuq is-superviżjoni ta’ banek li jinsabu fiż-żona ta’ l-euro. Il-proċessi u l-proċeduri tal-ANK u tal-BĊE huma allinjati biex jiżguraw, pereżempju, konformità mal-iskedi ta’ żmien fil-qasam tal-awtorizzazzjonijiet.

Informazzjoni addizzjonali dwar prattiki superviżorji
Kif tiġi ddeterminata s-sinifikanza?

Sommarju tal-kriterji relevanti kollha jista’ jinstab fil-kriterji għad-determinazzjoni tas-sinifikanza.

Valutazzjoni komprensiva hija obbligatorja għall-banek iddeterminati bħala sinifikanti?

Iva. Il-BĊE flimkien mas-superviżuri nazzjonali jwettaq kontrolli finanzjarji tas-saħħa tal-banek li jsiru jew x’aktarx li jkunu suġġetti għal superviżjoni diretta tal-BĊE. Dawn il-valutazzjonijiet komprensivi jgħinu biex jiżguraw li l-banek ikunu kapitalizzati b’mod adegwat u jistgħu jifilħu għal xokkijiet finanzjarji possibbli. Dawn jinkludu analiżi tal-kwalità tal-assi (AQR) u test tal-istress.

Vautazzjoni komprensiva
Meta għandhom isiru valutazzjonijiet komprensivi għall-banek li jsiru sinifikanti minħabba t-trasferiment ta’ attivitajiet/assi għaż-żona tal-euro?

Il-BĊE għandu jiddeċiedi fuq bażi ta’ każ b’każ meta eżattament kull istituzzjoni għandha tkun inkluża fl-eżerċizzju. L-għan ġeneralment huwa li titwettaq valutazzjoni komprensiva malli jidher ċar li istituzzjoni għandha tissodisfa l-kriterji ta’ sinifikanza u li t-trasferiment ta’ attivitajiet/assi mir-Renju Unit għaż-żona tal-euro huwa avvanzat biżżejjed biex jiġġustifika valutazzjoni.

Il-valutazzjoni komprensiva se tiffoka esklussivament fuq attivitajiet bankarji tradizzjonali? Id-ditti tal-investiment li jagħmlu parti mill-bank li qed jieħu sehem jaqgħu fl-ambitu tal-valutazzjoni?

Il-valutazzjoni komprensiva titwettaq fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni prudenzjali fl-Istati Membri parteċipanti. Jekk ditta tal-investiment hija parti minn grupp bankarju konsolidat, dik l-entità tkun fl-ambitu tal-eżerċizzju. L-eżerċizzju jiffoka fuq il-valutazzjoni tar-riskji relatati kemm man-negozju tas-self kif ukoll ma’ servizzi ta’ investiment.

U jekk il-bank tiegħi hu parti minn grupp ikbar? Il-BĊE jissorvelja direttament l-entitajiet kollha fil-grupp? Dan jaffettwa l-istatus ta’ sinifikanza tal-bank tiegħi?

Meta bank ikun parti minn grupp, bil-għan li tiġi determinata s-sinifikanza, titqies is-sitwazzjoni tal-grupp fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni prudenzjali fiż-żona tal-euro (mhux is-sitwazzjoni individwali ta’ kull entità). Pereżempju, jekk l-assi tal-grupp jaqbżu t-€30 biljun fil-livell konsolidat imsemmi hawn fuq, l-entitajiet taħt superviżjoni kollha fi ħdan dak il-grupp jitqiesu bħala sinifikanti, anki jekk ma jilħqux il-limitu ta’ €30 biljun ta’ assi f’livell individwali.

Meta bank ikun parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni direttament mill-BĊE, is-superviżjoni ta’ dak il-bank titwettaq kemm individwalment kif ukoll fuq bażi konsolidata. Sabiex jitwettqu ż-żewġ saffi ta’ superviżjoni, ir-Regolament MSU u r-Regolament Qafas MSU (ir-"regolamenti") jagħtu setgħat superviżorji speċifiċi lill-BĊE, mhux biss fuq il-banek imma wkoll – pereżempju – fuq kumpaniji holding finanzjarji (imħallta), sakemm jinsabu fil-pajjiżi taż-żona tal-euro u skont ir-regoli speċifiċi tar-regolamenti. Jekk il-grupp jinkludi istituzzjonijiet finanzjarji oħra bħal ditti ta’ investiment, dawn l-istituzzjonijiet ma jkunux taħt superviżjoni mill-BĊE fuq livell individwali, imma jkunu inklużi fis-superviżjoni tal-grupp fuq bażi konsolidata.

Skont l-Artikolu 2(20) tar-Regolament Qafas tal-MSU, “entità taħt superviżjoni” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin: (a) istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Stat Membru parteċipanti; (b) kumpanija azzjonarja (holding) finanzjarja stabbilita fi Stat Membru parteċipanti; (c) kumpanija azzjonarja (holding) finanzjarja mħallta stabbilita fi Stat Membru parteċipanti, sakemm tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (21)(b); (d) fergħa stabbilita fi Stat Membru parteċipanti minn istituzzjoni ta’ kreditu li tkun stabbilita fi Stat Membru mhux parteċipanti.

L-għażla tal-pajjiż taż-żona tal-euro fejn jiena nistabbilixxi ruħi tirriżulta f’rekwiżiti ta’ sorveljanza inqas jew iżjed stretti?

Il-BĊE huwa kompletament newtrali rigward il-post magħżul u jiżgura superviżjoni konsistenti fiż-żona tal-euro. L-istituzzjonijiet sinifikanti kollha huma taħt superviżjoni direttament mill-BĊE, bl-użu ta’ sett wieħed ta’ standards superviżorji, irrispettivament mill-pajjiż li fih ikunu jinsabu. Istituzzjonijiet inqas sinifikanti huma taħt superviżjoni direttament mis-superviżur nazzjonali tal-pajjiż fejn jinsab il-bank. Il-BĊE għandu rwol ta’ sorveljanza biex jiżgura l-konsistenza u l-kwalità ta’ sorveljanza fost dawn l-istituzzjonijiet u fis-sistema kollha.

Dawn il-FAQs japplikaw biss għal istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE?

Le. Il-BĊE u s-superviżuri nazzjonali qablu li japplikaw approċċi konsistenti fiż-żona tal-euro kemm għall-istituzzjonijiet sinifikanti kif ukoll dawk anqas sinifikanti.

Ir-Renju Unit jirtira mill-Unjoni Ewropea

X’qed jistenna l-BĊE mill-banek bħala segwitu tal-perjodu ta' tranżizzjoni

Il-banek huma mistennija jlestu l-implimentazzjoni tal-pjanijiet Brexit tagħhom skont it-termini ta’ żmien miftiehma mas-superviżuri tagħhom.

Il-BĊE u s-superviżuri nazzjonali għandhom isegwu l-impenji miftiehma u jsegwu l-progress tal-banek lejn il-mudelli operattivi fil-mira tagħhom. Dan jista’ jkun inkluż fi proċessi superviżorji ewlenin bħall-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni

Awtorizzazzjonijiet u liċenzji biex jiwettqu attivitajiet bankarji fiż-żona tal-euro

Lil min għandi nissottometti l-applikazzjoni tal-liċenzjar tiegħi? Kif inhu kkoordinat ix-xogħol bejn l-AKN u l-BĊE?

L-AKN u l-BĊE jaħdmu flimkien mill-qrib kemm fuq is-superviżjoni kif ukoll fuq l-awtorizzazzjoni tal-banek. Il-proċeduri għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni jitwettqu f’konformità mar-Regolament Qafas MSU.

Fiż-żona tal-euro, il-proċedura għall-għoti jew l-estensjoni ta’ liċenzja bankarja (fejn relevanti) hija waħda minn dawk magħrufa bħala “proċeduri komuni”. Il-BĊE huwa responsabbli għal dawn il-proċeduri fir-rigward tal-istituzzjonijiet kollha fiż-żona tal-euro, i.e. kemm għall-istituzzjonijiet sinifikanti  kif ukoll anqas sinifikanti. Il-BĊE u s-superviżuri nazzjonali huma involuti fi stadji differenti ta’ dawn il-proċeduri. Fi proċedura komuni, il-punt tad-dħul għall-applikazzjonijiet kollha huwa s-superviżur nazzjonali tal-pajjiż fejn ser ikun jinsab il-bank, irrispettivament minn jekk il-kriterji ta’ sinifikanza humiex issodisfati jew le. Il-ħidma tas-superviżuri hija kkoordinata mill-bidu sabiex jiġi żgurat proċess bla xkiel li ma jħalli l-ebda impatt fuq l-iskedi ta’ żmien. Is-superviżuri nazzjonali u l-BĊE jikkooperaw mill-qrib matul din il-proċedura, li hija kkompletata għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha taħt superviżjoni, u li tintemm bil-BĊE jieħu d-deċiżjoni.

Għalhekk, fil-każijiet kollha, l-applikazzjoni tal-liċenzja tiegħek għandha tiġi sottomessa direttament lis-superviżur nazzjonali relevanti, sabiex il-proċedura komuni tkun tista’ tiġi attivata. F’konformità mal-Artikolu 22 tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (CRD), l-istess proċedura għandha tiġi segwita f’każ ta’ akkwist ta’ holding li jikkwalifikaw f’bank.

Proċeduri komuni
Ser ikun meħtieġ li ssir applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ġdida jew addizzjonali jekk ikun hemm espansjoni tal-attivitajiet tan-negozju?

Jekk hux meħtieġ għal bank li jippjana li jespandi l-attivitajiet tan-negozju tiegħu biex japplika għal awtorizzazzjoni ġdida jew addizzjonali jiddependi fuq diversi fatturi. Dawn jistgħu jinkludu, fost affarijiet oħra, rekwiżiti lokali kif ukoll il-forma u l-estensjoni tal-awtorizzazzjoni bankarja diġà mogħtija mill-awtorità kompetenti, li tista’ tvarja minn Stat Membru parteċipant għal ieħor. Meta bank fil-fatt għandu l-intenzjoni li jespandi l-attivitajiet kummerċjali tiegħu, il-BĊE u/jew l-AKN (skont jekk il-bank huwiex istituzzjoni sinifikanti jew anqas sinifikanti) għandhom jiġu kkuntattjati sabiex jiġi ċċarat jekk hemmx bżonn ta’ awtorizzazzjoni ġdida jew addizzjonali.

Irrispettivament mill-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni, il-banek li jespandu l-attivitajiet tagħhom huma mistennija li jinvolvu ruħhom kmieni u b'mod proattiv mas-superviżuri dwar il-pjanijiet tagħhom u dwar kif dawn se jiżguraw li se jkollhom sistemi u kontrolli suffiċjenti fis-seħħ biex jiġġestixxu dan in-negozju ġdid. Ir-rekwiżiti kollha f’dak li għandu x’jaqsam mal-awtorizzazzjoni naturalment għandhom ikunu sodisfatti fuq bażi kontinwa.

Nista’ navviċina lill-BĊE/lis-superviżuri nazzjonali biex ikolli diskussjonijiet ta’ qabel l-applikazzjoni, anki jekk il-fajl tal-applikazzjoni tiegħi mhux komplut?

Iva. Il-BĊE u s-superviżuri nazzjonali jaraw il-valur li jkollhom diskussjonijiet preparatorji ma’ banek interessati li jistabbilixxu jew iżidu l-preżenza tagħhom fiż-żona tal-euro. Tali diskussjonijiet huma mħeġġa dwar kwistjonijiet madwar l-applikazzjoni tiegħek hekk kif tkun iddefinixxejt l-elementi fundamentali u tkun ġiet ristretta kull għażla tal-pjan tat-trasformazzjoni jew ta’ riorganizzazzjoni tiegħek. Fi kwalunkwe każ, il-BĊE u s-superviżuri nazzjonali jibdew jikkomunikaw ma’ xulxin dwar tali applikazzjonijiet fi stadju bikri, sabiex jiġi żgurat proċess bla xkiel.

Huwa possibbli li tissottometti applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni anki jekk l-entità legali li għandha tkun awtorizzata għadha mhix stabbilita?

Iva, applikazzjoni ta’ liċenzja tiġi kkunsidrata mill-BĊE anki mingħajr id-dokumentazzjoni li tiċċertifika l-eżistenza tal-impriża mistennija li tkun awtorizzata. Madankollu, id-dokumentazzjoni rispettiva teħtieġ li tiġi ppreżentata matul il-perjodu ta’ valutazzjoni.

Jekk jogħġbok innota li r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu ġew speċifikati aktar mill-Awtorità Bankarja Ewropea fl-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji ppubblikati fl-14 ta’ Lulju 2017, li għandhom bżonn jiġu adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(2) tas-CRD. Għaldaqstant, il-prattika tal-BĊE deskritta hawn fuq tista’ tkun soġġetta għal bidla, sabiex tiġi assigurata l-konformità mar-regolament rispettiv ladarba dan isir applikabbli.

Kemm idum il-proċess ta’ awtorizzazzjoni? Għandi nassumi perjodu iqsar jekk napplika biss għall-estensjoni ta’ liċenzja eżistenti?

Is-soltu jgħaddu sitt xhur minn meta l-applikant jipprovdi applikazzjoni kompluta għal deċiżjoni li għandha tittieħed rigward applikazzjoni għal liċenzja. Dan il-perjodu jista’ jkun iqsar f’każijiet fejn l-applikant jitlob estensjoni ta’ liċenzja eżistenti, sakemm il-qafas nazzjonali jippermetti estensjoni bħal din u m’hemmx tħassib superviżorju fuq l-entità MSU eżistenti. Fi kwalunkwe każ, deċiżjoni għandha tittieħed fi żmien 12-il xahar mid-data tal-applikazzjoni. (Għal informazzjoni dettaljata dwar il-proċeduri komuni, ara l-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament MSU, kif ukoll il-Parti V tar-Regolament Qafas MSU.) Il-preżentazzjoni ta’ fajl komplet ta’ kwalità għolja mill-bidu hija f’kull każ kruċjali biex tiżgura li l-applikazzjoni tiegħek tiġi pproċessata bl-aktar mod faċli possibbli. Hija għalhekk importanti t-tħejjija interna tad-dokumentazzjoni relevanti kollha qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet. L-istituzzjonijiet għandhom jallokaw żmien biżżejjed biex iħejju l-fajls tal-applikazzjoni.

Awtorizzazzjonijiet Gwida għall-valutazzjonijiet ta’ applikazzjonijiet għal liċenzji
Id-durata u l-kriterji ta’ valutazzjoni huma differenti skont liema pajjiż taż-żona tal-euro nagħżel bħala l-lok tiegħi?

Le. L-applikazzjonijiet għal-liċenzjar kollha huma pproċessati skont il-proċedura komuni deskritta hawn fuq, irrispettivament mill-pajjiż li fih tkun ġiet preżentata l-applikazzjoni (ara wkoll il-mistoqsija dwar kif tissottometti applikazzjoni għal-liċenzjar).

Ladarba tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni, x’inhu l-limitu massimu ta’ żmien li fih jeħtieġ li jinbdew l-operazzjonijiet?

B’mod ġenerali, skont l-Artikolu 18(a) tas-CRD, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni mogħtija lil istituzzjoni ta’ kreditu fil-każ li, fost affarijiet oħra, l-istituzzjoni ta’ kreditu rispettiva ma tużax l-awtorizzazzjoni, jiġifieri ma tibdiex l-operazzjonijiet tan-negozju tagħha fi żmien 12-il xahar wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni. Madankollu, f’xi Stati Membri, skadenzi addizzjonali jew iqsar jistgħu japplikaw għar-rekwiżit li jibdew l-operazzjonijiet ladarba tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-banek għandhom jikkomunikaw b’mod ċar fil-proċess ta’ awtorizzazzjoni meta jippjanaw li jibdew l-operazzjonijiet. Il-banek għandhom ukoll jipprovdu strateġija li tistabbilixxi b’mod ċar kif biħsiebhom jimplimentaw il-pjan tan-negozju u jibnu sistema xierqa ta’ kontroll tar-riskju.

X’jiġri jekk deċiżjoni biex jiġi ristrutturat il-grupp tirriżulta f’bidla fil-holdings ta’ bank taħt superviżjoni direttament mill-BĊE? Għandi ninnotika lill-BĊE direttament?

L-akkwist ta’, jew iż-żieda fi, holding li jikkwalifika f’istituzzjoni ta’ kreditu - kif iddefinit fid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali - huwa suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-BĊE. Bħall-valutazzjoni biex tingħata liċenzja bankarja, din il-valutazzjoni ssir taħt proċedura komuni. Għalhekk, is-superviżur nazzjonali huwa l-punt tad-dħul li lilu għandek tibgħat notifika. Wara kooperazzjoni mill-qrib u konsultazzjoni mas-superviżur nazzjonali, il-BĊE jieħu deċiżjoni superviżorja dwar l-akkwist tal-holding. Għal proċess bla xkiel, l-applikanti għandhom jikkunsidraw li jidħlu fi djalogu mal-AKN rispettivi u l-BĊE qabel is-sottomissjoni uffiċjali tan-notifika

X’jiġri lil fergħa tal-UE ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tar-Renju Unit meta jintemm il-perijodu ta' tranżizzjoni?

Is-CRD ma tapplikax iżjed għal banek tar-Renju Unit wara t-tmiem tal-perijodu ta' tranżizzjoni, u fergħat ta' istituzzjonijiet ta' kreditu tar-Renju Unit fl-UE jitilfu l-"passaport" UE tagħhom. Biex jipprovdu kwlaunkwe attivitajiet regolati, dawn l-istituzzjonijiet għandhom bżonn awtorizzazzjoni xierqa.

 

Governanza interna u ġestjoni tar-riskju

Il-BĊE jaċċetta mudell ta’ negozju li bih bank iwettaq negozju – inklużi tranżazzjonijiet tas-suq kapitali – fiż-żona tal-euro waqt li jibqa’ juża infrastruttura, kompetenza u arranġamenti tal-grupp kollu (pereżempju funzjoni ta’ ġestjoni tar-riskju ċentralizzata) f’pajjiż terz?

Il-banek fiż-żona tal-euro għandhom ikunu kapaċi jiġġestixxu r-riskji materjali kollha li potenzjalment jolqtuhom b’mod indipendenti u fil-livell lokali, u għandu jkollhom il-kontroll fuq il-karta tal-bilanċ u l-iskoperturi kollha. Għandhom ikunu f’pożizzjoni li jirrispondu direttament u b’mod indipendenti għall-inkjesti potenzjali mill-BĊE jew is-superviżuri nazzjonali dwar l-attivitajiet kollha li jaffettwaw il-bank u jipprovdu informazzjoni malajr. Il-mekkaniżmi ta’ governanza u ta’ ġestjoni tar-riskju għandhom ikunu proporzjonati man-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju u jikkonformaw bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni Ewropea. L-istabbiliment ta’ kumpanija "qoxra vojta" ma jkunx aċċettabbli.

Aspettattivi ta’ sorveljanza dwar mudelli ta’ prenotazzjoni
X’inhuma r-rekwiżiti fir-rigward tal-persunal tal-banek?

Ġeneralment, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jiggarantixxu, li persunal biżżejjed jinsab fl-entità taħt superviżjoni biex imexxi l-operazzjonijiet, inkluż kemm fil-ġestjoni tar-riskju kif ukoll l-front office.

Jekk il-banek jippjanaw li jagħtu aktar minn rwol wieħed lill-persunal fuq bażi temporanja jew permanenti, jiġifieri ma’ persunal li jaħdem għal diversi entitajiet tal-grupp ("hatting doppju"), il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iwettqu valutazzjoni bir-reqqa biex jiżguraw li jkun hemm biżżejjed żmien biex jitwettqu dawn il-funzjonijiet fil-banek taħt superviżjoni. Strutturi ta’ organizzazzjoni m’għandhomx ikunu tali li jdgħajfu l-linji ta’ rappurtar u r-responsabbiltajiet ċari fi ħdan l-entità taħt superviżjoni, jew iwasslu għal kunflitti ta’ interess possibbli. Il-banek għandhom bżonn jistabbilixxu funzjonijiet u kontrolli indipendenti lokalment li jirrappurtaw lill-bord lokali, pereżempju fl-oqsma tal-kontroll tar-riskju, tal-konformità u tal-verifika interna. Ċerti rwoli ewlenin m’għandhomx ikunu parti minn arranġament ta’ hatting doppju.

Huwa importanti li l-korp maniġerjali jiddedika ħin biżżejjed għall-konsiderazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ riskju. Il-korp maniġerjali għandu jkun involut b’mod attiv, u jiżgura li jiġu allokati riżorsi adegwati għall-ġestjoni tar-riskji materjali kollha kif ukoll fil-valutazzjoni tal-assi, fl-użu ta’ klassifikazzjonijiet ta’ kreditu esterni u mudelli interni relatati ma’ dawk ir-riskji. L-istituzzjonijiet irid ukoll ikollhom funzjoni tal-ġestjoni tar-riskju li tkun indipendenti mill-funzjonijiet operattiva u li jkollha biżżejjed awtorità, statura, riżorsi u aċċess għall-korp ta’ ġestjoni.

Nista’ nkompli noffri servizzi lill-klijenti fl-UE minn fergħa f’Londra wara l-Brexit?

Il-BĊE u s-superviżuri nazzjonali jemmnu li l-għan tal-friegħi f’pajjiżi terzi huwa li jissodisfaw il-ħtiġijiet lokali. Il-BĊE u s-superviżuri nazzjonali ma jistennewx li l-friegħi f’pajjiżi terzi jaqdu funzjonijiet kritiċi għall-istituzzjoni ta’ kreditu nnifisha jew jipprovdu servizzi lura lill-klijenti bbażati fl-UE.

Nista’ nibda nwettaq attivitajiet bankarji f’pajjiż taż-żona tal-euro jekk l-arranġamenti kollha meħtieġa għadhom mhumiex fis-seħħ, imma qed nippjana li ndaħħalhom f’posthom fil-futur qarib?

Ir-rekwiżiti għal bank li jiffunzjona sew għandhom ikunu fis-seħħ qabel ma istituzzjoni tibda tagħmel attivitajiet bankarji fiż-żona tal-euro.

Minn dak il-punt tat-tluq, sa fejn l-istituzzjoni mbagħad tibni l-attivitajiet tagħha maż-żmien, jista’ jkun possibbli li wħud mill-kapaċitajiet u l-arranġamenti lokali addizzjonali jinbnew ukoll b’mod parallel. Tali arranġamenti jistgħu jkunu permessi mis-superviżur fuq bażi ta’ każ b’każ u jekk ikunu allinjati mal-pjan kummerċjali tal-bank. Kull arranġament għandu jkun ibbażat fuq pjan ta’ negozju realistiku u dettaljat għall-iżvilupp ta’ tali kapaċitajiet, li għandu jiġi inkluż fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni. Dawn li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati: l-ambitu u r-riskju tal-attivitajiet ippjanati; il-politika tal-prenotazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-kontropartijiet tal-hedging/kummerċ; ir-rilokazzjoni tar-riżorsi; il-profittabilità tal-entità MSU; kapaċitajiet ta’ rappurtar; u l-infrastruttura tal-IT.

L-arranġamenti fl-ebda każ m’għandhom jipperikolaw governanza interna soda u ġestjoni tar-riskju soda u effettiva, jew ifissru li l-kapaċitajiet u l-kontrolli "mexjin wara n-negozju".

Il-BĊE jaċċetta l-użu ta’ mudelli ta’ prenotazzjoni back-to-back? Liema arranġamenti tistenna li jkunu fis-seħħ meta jiġu biex jinbiddlu l-mudelli ġeneralment?

Minkejja kwalunkwe arranġamenti temporanji li jistgħu jaqblu fuq bażi ta’ każ b’każ mas-superviżur, il-BĊE u s-superviżuri nazzjonali jistennew li banek stabbiliti fiż-żona tal-euro jkollhom kapaċitajiet suffiċjenti fis-seħħ (inklużi infrastruttura lokali, persunal u funzjonijiet ta’ ġestjoni tar-riskju) għall-ġestjoni tar-riskji materjali kollha lokalment.

B’referenza speċifika għall-"mudell ta’ prenotazzjoni back-to-back", il-BĊE u s-superviżuri nazzjonali jistennew (ukoll għal arranġamenti tranżitorji possibbli permessi fuq bażi ta’ każ b’każ) dik il-parti tar-riskju ġġenerata mil-linji ta’ prodotti materjali kollha għandha tiġi ġestita u kkontrollata lokalment. Għar-riskju tas-suq, dan jista’ jfisser li eventwalment jiġu stabbiliti kapaċitajiet ta’ kummerċ lokali permanenti u kumitati ta’ riskju lokali, kif ukoll ir-riskji ta’ kummerċ u hedging ma’ sett diversifikat ta’ kontropartijiet esterni. Ir-rekwiżiti speċifiċi u l-perjodi tranżitorji possibbli jiddependu, fost affarijiet oħra, mill-istruttura tal-mudell ta’ prenotazzjoni, il-materjalità u l-kumplessità tan-negozju, il-livell ta’ skoperturi fi ħdan il-grupp kif ukoll ir-relazzjonijiet kuntrattwali sottostanti u l-arranġamenti interni.

Kif inhuma vvalutati l-mudelli ta’ prenotazzjoni? X’inhuma l-aspettattivi superviżorji fir-rigward ta’ prenotazzjoni back-to-back?

Il-BĊE u s-superviżuri nazzjonali jivvalutaw il-prattiċi ta’ prenotazzjoni (inklużi prenotazzjoni back-to-back u mill-bogħod) u r-riskji assoċjati meta tintbagħat applikazzjoni għal liċenzja u billi titwettaq superviżjoni kontinwa (monitoraġġ). Il-mudelli ta’ prenotazzjoni ta’ banek li deħlin u eżistenti m’għandhomx iwasslu għal "qxur vojta", dipendenza fuq il-forniment ta’ servizzi minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi jew impedimenti għall-implimentazzjoni rapida ta’ miżuri ta’ rkupru. Il-banek huma wkoll mistennija li jkunu jistgħu joperaw biżżejjed fuq bażi waħedha (i.e. indipendentement mill-appoġġ tal-grupp). Il-BĊE u s-superviżuri nazzjonali jivvalutaw kemm il-banek jissodisfaw (jew jippjanaw li jissodisfaw) dawn l-aspettattivi superviżorji meta jivvalutaw mudelli ta’ prenotazzjoni.

Speċifikament, il-BĊE u s-superviżuri nazzjonali jivvalutaw jekk il-banek jimplimentawx (jew jippjanawx li jimplimentaw) oqfsa ta’ governanza bbażata fuq il-livell lokali u ta’ ġestjoni tar-riskju, u jimpjegawx persunal biex jidentifikaw u jiġġestixxux ir-riskju li joriġina lokalment. Attenzjoni partikolari tingħata jekk il-qafas ta’ governanza lokali tal-bank u l-infrastruttura tal-persunal, kif ukoll il-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tar-riskju, humiex xierqa u proporzjonati mal-attivitajiet ta’ kummerċ tiegħu, l-istrateġiji ta’ hedging u l-abbiltà li jħarsu r-riskji b’sett diversifikat ta’ kontropartijiet, il-livell ta’ aċċess ippjanat għall-infrastruttura tas-suq finanzjarju, il-livell u l-arranġament intern ta’ tranżazzjonijiet u skoperturi intragrupp, u konċentrazzjonijiet ta’ kontropartijiet u skoperturi kbar oħra.

L-aspettattivi ta’ sorveljanza fir-rigward ta’ mudelli ta’ prenotazzjoni jiġu applikati proporzjonalment skont il-materjalità u l-kumplessità tal-attivitajiet ta’ kull istituzzjoni individwali. Dan ifisser li banek kbar, b’livell għoli ta’ interkonnessjoni u operazzjonijiet kumplessi tas-suq tal-kapital, huma suġġetti għal aspettattivi u valutazzjonijiet superviżorji ogħla.

X’inhuma l-aspettattivi ta’ sorveljanza tiegħek meta niġu għall-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni? Liema funzjonijiet u servizzi jistgħu jkunu possibbli għal bank taż-żona tal-euro biex jesternalizza?

Il-BĊE u s-superviżuri nazzjonali jistennew li l-banek taħt superviżjoni jkollhom mekkaniżmi robusti ta’ kontroll tar-riskju fis-seħħ f’entitajiet stabbiliti fiż-żona tal-euro. Dawn il-mekkaniżmi għandhom jiżguraw li l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ta’ esternalizzazzjoni (kemm fi ħdan jew barra l-grupp) tkun immonitorjata kif suppost mill-korpi ta’ ġestjoni tal-entità u konformi għal kollox mar-rekwiżiti regolatorji.

Barra minn hekk, l-indipendenza operattiva tal-bank taħt superviżjoni m’għandhiex tkun kompromessa bħala riżultat tal-esternalizzazzjoni ta’ funzjonijiet jew servizzi; għandhom ikunu fis-seħħ proċeduri xierqa ta’ kontinġenza u ttestjati regolarment biex tkun żgurata l-kontinwità fl-operazzjoni kummerċjali tan-negozju tal-entità. Huwa wkoll kruċjali li l-kuntratti ta’ esternalizzazzjoni jipprovdu għall-ġestjoni lokali u li s-superviżuri jkollhom aċċess għal informazzjoni sħiħa u l-abbiltà li jispezzjonaw l-entità li tipprovdi s-servizzi.

Ġeneralment, l-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni jiġu riveduti u vvalutati mill-BĊE u s-superviżuri nazzjonali fuq bażi ta’ każ b’każ.

Ippjanar ta’ rkupru

L-irtirar tar-Renju Unit mill-UE għandu xi implikazzjonijiet fuq l-ippjanar tal-irkupru tal-istituzzjonijiet fiż-żona tal-euro? X’inhuma r-rekwiżiti rigward l-ippjanar ta’ rkupru għal banek stabbiliti ġodda fiż-żona tal-euro?

Kif rikjest mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni ta' Bank (BRRD), l-intrapriżi prinċipali tal-UE għandhom ifasslu pjan ta’ rkupru tal-grupp fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fl-UE. Wara t-tmiem tal-perijodu ta' tranżizzjoni, dan il-pjan għandu jqis il-fatt li l-istituzzjoni tar-Renju Unit ma jibqgħux l-ogħla entità tal-UE fil-grupp. Għaldaqstant, il-pjan ikollu jkopri l-operazzjonijiet fl-UE u ma jagħtix kas ta' dawk fir-Renju Unit.

Istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati ġodda u banek eżistenti li jippjanaw li jespandu b’mod sinifikanti l-attivitajiet tagħhom se jkollhom jiżviluppaw pjan ta’ rkupru tal-UE konformi mal-BRRD. Il-pjan se jkollu bżonn jirrifletti l-obbligi stabbiliti mill-awtorità kompetenti relevanti u għandu jiġi żviluppat f’perjodu ta’ żmien xieraq, i.e. fi żmien tlieta sa sitt xhur wara l-bidu tal-operazzjonijiet. Pjan tal-proġett ċar u dettaljat dwar kif il-korp ta’ gestjoni tal-istituzzjoni għandu l-intenzjoni li jissodisfa dawn ir-rekwiżiti fil-perjodu ta’ żmien imsemmi hawn fuq għandu jiġi inkluż fid-dokumentazzjoni għall-awtorizzazzjoni.

Mudelli interni

Il-permessi eżistenti fuq mudelli interni minn awtorità ta’ pajjiż terz għandhom jiġu approvati mill-BĊE?

L-approvazzjoni tal-permessi tal-mudell intern f’dan il-kuntest mhix ikkunsidrata bħala fattibbli fil-qafas legali attwali.

Skont is-CRR, l-użu (kontinwu) ta’ mudelli interni minn:

  • bank li għadu kif twaqqaf fiż-żona tal-euro
  • bank eżistenti, fil-każ li jkollu l-intenzjoni li jagħmel tibdiliet fil-portafolli sottostanti (eż. iż-żieda ta’ portafolli li għandhom ikunu koperti mill-mudell intern)

jeħtieġ li l-bank jissottometti applikazzjoni ġdida għall-permess.

L-BĊE kif ser jivvaluta l-mudelli interni fil-kuntest ta’ rilokazzjoni jew ristrutturar fi ħdan grupp bankarju?

Fil-kuntest tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, hemm perjodu limitat li fih banek ġodda taż-żona tal-euro li jespandu jew jemigraw mir-Renju Unit jistgħu jużaw mudelli interni li għadhom ma ġewx approvati mill-BĊE.

Tali ftehimiet li huma suġġetti għal kundizzjonijiet stretti ġew ikkomunikati lill-banek affettwati.

Il-perjodu limitat li matulu l-banek jistgħu jużaw mudelli interni li għadhom mhumiex approvati mill-BĊE se jieqaf, l-aktar tard, fit-30 ta’ Ġunju 2022 jew hekk kif l-applikazzjoni tal-mudell tal-bank tkun ġiet approvata jew rifjutata mill-BĊE.

Mudelli interni

Kwistjonijiet relatati mas-superviżjoni kontinwa

L-ABE ppubblikat “Opinjoni dwar Kwistjonijiet ta’ Brexit” f’Ottubru 2017 bil-għan li tiżgura l-applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni lil negozji li jfittxu li jistabbilixxu jew isaħħu l-preżenza tagħhom fl-UE27. Se jkun hemm xi tibdil bħala konsegwenza ta’ dik l-Opinjoni tal-ABE?

L-Opinjoni tal-ABE dwar Kwistjonijiet ta’ Brexit tistabbilixxi prinċipji rigward ħafna mis-suġġetti koperti wkoll f’dawn il-FAQs. Il-pożizzjonijiet tal-BĊE huma konformi ma’ dawk il-prinċipji.

Pereżempju, il-BĊE jaqbel li hemm bżonn li jinżammu standards għoljin ta’ awtorizzazzjoni u qed jippjana li jwettaq valutazzjoni rigoruża ta’ applikazzjonijiet mingħajr ebda deroga. L-istituzzjonijiet ma jitħallewx jesternalizzaw l-attivitajiet sal-punt li joperaw bħala kumpaniji ta’ "qoxra vojta" u jkunu meħtieġa li jkollhom kapaċitajiet lokali biex jidentifikaw u jiġġestixxu r-riskju. Il-pożizzjoni tal-BĊE dwar il-mudelli interni hija wkoll konformi mal-prinċipji kollha tal-ABE, pereżempju istituzzjonijiet li jfittxu permessi addizzjonali tal-mudell intern għandhom jissottomettu l-applikazzjonijiet meħtieġa u l-awtoritajiet kompetenti tal-UE27 jistgħu jserrħu fuq il-valutazzjoni tar-Renju Unit, imma sussegwentement għandhom jagħmlu reviżjoni.

Meta niġu għall-għażliet superviżorji u d-diskrezzjonijiet disponibbli taħt il-pakkett CRD, liema regoli għandi nsegwi jekk immur ġewwa pajjiż taż-żona tal-euro?

Jekk inti istituzzjoni sinifikanti, inti suġġett għall-politika tal-BĊE dwar l-għażliet superviżorji u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-UE. Il-politika hija riflessa fir-Regolament tal-BĊE u l-Gwida tal-BĊE dwar Opzjonijiet u diskrezzjonijiet, li ilhom japplikaw mill-2016.

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwi u l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin ġewwa ż-żona tal-euro, ġie deċiż li jiġi armonizzat wkoll l-eżerċizzju ta’ għażliet u diskrezzjonijiet għal istituzzjonijiet inqas sinifikanti (LSIs). L-istrumenti legali finali ġew ippubblikati fit-13 ta’ April 2017.

Kif jiġu ttrattati skoperturi kbar intragrupp?

Il-qafas ġenerali dwar skoperturi kbar, kif stipulat fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali, għandu jiġi applikat direttament mill-banek kollha. Meta niġu speċifikament għal eżenzjoni potenzjali ta’ skopertura kbira fi ħdan entitajiet fi grupp jew netwerk fiż-żona tal-euro, għandek teżamina jekk il-pajjiż fejn tkun tinsab adottax liġijiet nazzjonali dwar l-eżenzjoni ta’ skoperturi intragrupp kbar, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tranżitorja tal-Artikolu 493(3) tas-CRR.

  • Jekk dan huwa l-każ, inti meħtieġ tikkonforma ma’ dawn il-liġijiet nazzjonali. Dawn il-liġijiet għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġu evalwati skoperturi intragrupp kbar li l-entità tixtieq teżenta mil-limitu ta’ skopertura kbir stipulat fis-CRR.
  • Jekk dan mhux il-każ, inti mitlub tikkonforma mal-politika tal-BĊE dwar l-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni kif inhi bħalissa. Din il-politika hija riflessa fir-regolament tal-BĊE msemmi hawn fuq dwar l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet (ara l-Artikolu 9 u l-Anness I). Jekk jogħġbok innota li, fid-dawl ta’ żieda potenzjali fil-volum u l-importanza ta’ skoperturi lejn entitajiet ta’ pajjiżi terzi, il-BĊE u s-superviżuri nazzjonali qed jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ skrutinju superviżorju preċedenti qabel ma jippermettu eżenzjonijiet mil-limiti.
Ħarsa ġenerali lejn ir-reġimi differenti applikabbli fil-pajjiżi taż-żona tal-euro
Stima tal-implimentazzjoni nazzjonali ta’ limiti ta’ skoperturi kbar *
Ir-Regolament OND tal-BĊE japplika f’pajjiżi fejn jiġi eżerċitat l-Artikolu 400(2) CRR Ir-Regolament OND tal-BĊE ma japplikax f’pajjiżi fejn jiġi eżerċitat l-Artikolu 493(3) CRR
IE, NL, SK, LT, EL, CY, SI, LV AT, FR, LU, ES, PT, IT , MT, FI, EE, BE, DE

* Informazzjoni tat-tabella mis-S2/2015.

Kif jiġi applikat il-proċess ta’ rieżami superviżorju? (Il-Kumitat ta’ Basel għas-Sorveljanza tal-Attività Bankarja “Pilastru 2”)? Istituzzjoni ġenitriċi ta’ pajjiż terz tkun koperta minn miżuri adottati mill-BĊE jew mill-awtoritajiet nazzjonali?

Il-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni (SREP) huwa bbażat fuq l-ambitu ta’ konsolidazzjoni prudenzjali fi ħdan l-UE u jitwettaq wara li jitqies il-livell konsolidat tal-grupp fil-livell tal-UE, u b’hekk tiġi vvalutata s-sitwazzjoni finanzjarja u r-riskji tal-entitajiet kollha fi ħdan il-grupp. Dan ifisser li s-SREP għall-bank taħt superviżjoni jkopri l-ġenitur tal-UE, iżda mhux il-ġenitur ta’ pajjiż terz ta’ grupp taħt superviżjoni. Il-BĊE jiddetermina r-rekwiżiti SREP għal gruppi bankarji sinifikanti fiż-żona tal-euro. Fil-każ li l-impriża ewlenija fl-UE tkun tinsab fi Stat Membru mhux parteċipant, l-awtorità kompetenti f’dan il-pajjiż tal-UE rispettiv se tkun responsabbli għad-deċiżjoni SREP fil-livell tal-grupp.

Rieżami superviżorju (SREP)
Għandkom il-ħsieb li tikkomunikaw gwida ulterjuri dwar kwistjonijiet superviżorji fil-futur?

Il-BĊE jista’ jippubblika FAQs ġodda u/jew aġġornati dwar kwistjonijiet superviżorji fuq il-websajt tiegħu tas-superviżjoni bankarja.

Il-paġni kollha f’din it-taqsima

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)